Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, tħabbret l-Iskema ta’ Appoġġ għall-Iscreen — fond li joffri appoġġ għall-industrija indiġena tal-films.
B’investiment ta’ miljun ewro, il-Kunsill Malti għall-Arti nieda dan il-fond, li hu maqsum f’ħames fergħat: il-kitba tal-iskripts, l-iżvilupp, films qosra, produzzjoni ta’ films twal u programmi kulturali.
L-applikanti jridu jkunu entitajiet awdjoviżwali indipendenti u għandhom sa nofsinhar tal-24 ta’ Settembru biex japplikaw għal kwalunkwe minn dawn il-fergħat, bir-riżultati jitħabbru fil-21 u t-22 ta’ Novembru li ġej.
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall, qal li dan hu tentattiv umli biex intaffu l-uġigħ ta’ vojt li seta’ tħalla u ċ-ċinematografija f’pajjiżna tingħata l-appoġġ li jostħoqqila.
Id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija fl-istess Kunsill, Mary Ann Cauchi, stqarret li din l-iskema se tippermetti l-konsiderazzjoni ta’ applikanti li huma ġodda għall-industrija.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, li wkoll kien preżenti waqt it-tnedija, enfasizza l-importanza għal iżjed ħidma biex jissaħħu s-setturi kulturali u kreattivi, inkluż dak tal-films indiġeni, li jsawru aspetti importanti u intrinsiċi li jagħmluna Maltin.
Huwa faħħar il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ewlenin biex l-iskema tkun waħda li tibda twieġeb għall-bżonnijiet tas-settur. Qal li se jissokta l-impenn biex din l-iskema tkompli tikber fis-snin li ġejjin.