Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo nieda edizzjoni oħra tal-Wine Appreciation Event 2020, inizjattiva bl-għan ewlieni li tkompli tippromwovi s-settur tal-inbid f’pajjiżna u tkattar kult kulturali b’saħħtu fl-inbid f’pajjiżna.
Malta hi mgħonija b’inbid ta’ kwalità, u dan grazzi għal kważi 800 persuna li jaħdmu f’dan il-qasam. Hu ta’ min jinnota li f’pajjiżna nsibu 19-il dar tal-inbid, li 11 minnhom jipproduċu inbid biċ-ċertifikazzjoni DOK u IĠT, u l-aktar inbejjed popolari tagħhom huma l-Girgentina, ix-Chardonnay, il-Ġellewża u l-Merlot.
Sa ftit snin ilu, il-konsumatur Malti ma kellux għarfien b’saħħtu tat-tifsira taċ-ċertifikazzjoni tal-inbejjed ta’ kwalità, anke jekk din ilha magħna għal ammont ta’ snin. Minkejja dan, studju riċenti li sar fl-aħħar tas-sena l-oħra wera li l-perċezzjoni tal-konsumaturi Maltin fuq inbid ċertifikat ta’ kwalità tjiebet. Dan hu ċertifikat t’assigurazzjoni li mexjin fid-direzzjoni t-tajba.
Waqt il-konferenza ta’ tnedija, il-Ministru Anton Refalo tkellem dwar l-importanza li nkomplu nħarsu dan is-settur, filwaqt li kkommetta ruħu b’impenn, dedikazzjoni u relazzjoni aktar b’saħħitha flimkien mal-bdiewa u l-produtturi.
Il-Ministru nnota li dan is-settur jagħmel użu minn madwar 430 tomna ta’ raba; “L-art, u art għammiela f’ambjent adattabbli għall-għenba, mhux daqstant faċli li ssib, iżda l-Malti dejjem għaraf kif jimmassimizza mill-ftit li għandu, u dan is-settur hu l-akbar eżempju. Min-naħa tiegħi, irrid naċċerta li l-ftit art agrikola disponibbli għalina tkun użata għall-ġid tal-bidwi Malti u mhux għal xi spekulazzjoni oħra. Ejja nibżgħu għal ftit li għandna u li fadlilna, sabiex b’hekk naċċertaw irwieħna li nħarsu s-sovranità tal-palat Malti.”
Illum il-produtturi tal-inbid f’pajjiżna jipproduċu aktar minn 2,000,000 flixkun inbid ta’ kwalità kull sena. Dan frott ħidma sfieqa li fl-aħħar snin saret minn dan il-gvern, li jaċċerta li dan is-settur mhux biss jingħata l-promozzjoni li jistħoqlu, iżda b’mod kollettiv flimkien mal-bdiewa u l-produtturi jaħdem sabiex tgħola l-kwalità.
Dawk li jixtiequ aktar informazzjoni dwar il-produzzjoni tal-inbejjed Maltin jistgħu jżuru www.winesofmalta.gov.mt, filwaqt li kull min jixtieq jattendi din l-attività jista’ jikseb aktar informazzjoni minn fuq il-paġna ta’ Facebook. Wine Appreciation Event 2020 ser issir is-Sibt, 4 ta’ April, mill-4 p.m. ‘il quddiem, fil-Ball Room tal-lukanda Phoenicia. Biljetti għall-prezz ta’ €10 jistgħu jinxtraw minnn www.ticketline.com.mt.
Ritratti: MAFA