Fi tmiem din il-ġimgħa, fil-lokalità ta’ Ħal Kirkop, se jittella’ Villaġġ tal-Milied bit-tema ta’ ‘Gigantic’, li fost l-attrazzjonijiet ewlenin fih se jara Siġra tal-Milied magħmula minn kartun użat tal-ħalib, għadd ta’ bankarelli b’ikel tradizzjonali u anke t-toroq mimlijin bil-borra.
Preżenti għat-tnedija ta’ dan il-Villaġġ tal-Milied kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, li spjegaw kif dan se jkun ta’ attrazzjoni kemm għall-Maltin, imma wkoll għat-turisti li jinsabu fostna.
Zerafa Civelli wkoll tenniet li, fix-xahar ta’ Diċembru, 30 kunsill lokali qed jorganizzaw l-attrazzjonijiet individwali tagħhom u appellat lill-pubbliku biex jikkonkorri għalihom.
Sadanittant is-Sindku ta’ Ħal Kirkop, Matthew Agius Zammit, qal li l-attività se tara l-parteċipazzjoni ta’ 65 esebitur, inkluż b’ħafna artiġġjanat, logħob għat-tfal u ikel u xorb biex jitgawda minn kulħadd.
Il-Villaġġ tal-Milied f’Ħal Kirkop se jkun miftuħ is-Sibt bejn il-5:00 ta’ waranofsinhar u l-10:00 ta’ filgħaxija u l-Ħadd bejn id-9:00 ta’ filgħodu u l-5:00 ta’ waranofsinhar.