Għat-tnax-il sena, il-kampanja soċjali taċ-‘Children’s Dreams’ qed tirritorna biex tferraħ lil tfal fil-bżonn fi żmien il-Milied.
Din is-sena, hemm madwar 1,400 xewqa ta’ tfal fil-kura tal-istat jew oħrajn li qed jaffaċċjaw sfidi d-dar, li jixtiequ jsiru realtà bħala parti minn kampanja li tassigura li kull tifel u tifla jkollhom l-opportunità jesperjenzaw l-ispirtu ta’ ferħ u mħabba li jġib miegħu l-Milied.
Fit-tnedija ta’ din il-kampanja, id-Direttur tad-Direttorat tal-Kura Alternattiva, Remenda Grech, qalet li x-xewqat tat-tfal ivarjaw, minn rigali materjali bħal ġugarelli u ħwejjeġ, għal esperjenzi bħal bowling u horse riding.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti, fakkar kif dawn it-tfal ikollhom bżonnijiet u xewqat oħra matul is-sena kollha, inkluż dawk mediċi, u saħaq dwar il-bżonn tal-għajnuna kontinwa biex dawn it-tfal ikollhom opportunitajiet daqs tfal oħrajn.
Din il-kampanja tibqa’ għaddejja sat-tlettax ta’ Diċembru u min jixtieq jaqta’ x-xewqa ta’ tfal fil-bżonn dan il-Milied, jista’ jżur is-sit elettroniku https://www.childrendreams.org/.