Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, nieda l-applikazzjonijiet online biex professjonisti li jaħdmu fil-qasam tal-konservazzjoni u restawr ikunu jistgħu jiksbu rikonoxximent formali permezz ta’ warrant maħruġ mill-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi.
Dan il-warrant għandu l-għan li b’mod legali jirregola x-xogħlijiet relatati mal-attivitajiet marbuta mal-professjoni tal-konservaturi u restawraturi u dan hekk kif jistipula l-Att Dwar il-Patrimonju Kulturali, Kapitlu 445.
“Huwa importanti li professjonijisti li jieħdu ħsieb il-konservazzjoni u r-restawr tal-patrimonju ta’ pajjiżna jwettqu dan b’integrità taħt il-ħarsien tal-liġi, u b’hekk filwaqt li nkomplu ntejbu l-isem ta’ din il-professjoni nassiguraw li jinżammu l-istandards meħtieġa”, tenna l-Ministru José Herrera.
Dawk li skont l-artiklu 29 tal-liġi dwar il-patrimonju kulturali jikkwalifikaw għal dan il-warrant biex jippratikaw il-professjoni ta’ konservaturi-restawraturi, għandhom jidħlu fis-sit https://culture.gov.mt/en/culturalheritage/Pages/BordtalWarranttarRestawraturi.aspx għal aktar informazzjoni.
Fil-ġimgħat li ġejjin ser jiġi mħabbar il-ftuħ ta’ applikazzjonijiet għal dawk li jikkwalifikaw għal warrant taħt l-artiklu 30 tal-liġi Dwar il-Patrimonju Kulturali.
Aktar tard din is-sena jitħabbar il-ftuħ tal-applikazzjonijiet:
- Għal Warrant temporanju. (temporary warrant) – Artiklu 33 tal-liġi Dwar il-Patrimonju Kulturali.
- Għal ċertifikati ta’ Ħila tal-Patrimonju (Heritage Skills) – Artiklu 32 tal-liġi Dwar il-Patrimonju Kulturali.