F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru tas-Saħħa, tnediet l-app “COVID Alert Malta”, li se ssaħħaħ il-proċess manwali tal-contact tracing u tavża lil min jista’ jkun espost għall-Coronavirus.
Min b’mod volontarju jniżżel l-app – li ġiet żviluppata b’ħidma u sinerġija bejn id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, il-MITA u l-MDIA – se jiġi notifikat meta jkun qrib persuna pożittiva għall-COVID-19. Dan isir biss jekk iż-żewġ persuni inkwistjoni jkollhom l-app installata fuq il-mobile tagħhom. Dan ifisser li jekk persuna tkun viċin xi ħadd pożittiv imma ma jkollux l-app, ma jistax jiġi notifikat.
L-għan ta’ din l-app hu biex tiżdied l-eventwalità li jiġu identifikati l-persuni esposti għall-virus biex dawn iċemplu mill-ewwel fuq 111 u jagħmlu t-test għall-Coronavirus.
L-app hija disponibbli kemm bil-Malti u bl-Ingliż, u għall-mobile Android u IOS.
Meta wieħed iniżżel l-app, tinġabar ċertu informazzjoni bħal kemm persuna kien ’il bogħod minn persuna oħra u kemm damu fil-preżenza ta’ xulxin.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li din l-app taħdem kompletament b’mod li jissalvagwardja l-privatezza hekk kif ma żżommx informazzjoni privata jew dettalji tal-persuna. Fil-fatt ma taħdimx bil-GPS imma bil-Bluetooth. L-informazzjoni jekk xi ħadd ikun viċin persuna pożittiva għall-COVID-19 tinżamm biss għal 15-il ġurnata u titlaq b’mod awtomatiku.
Innota li app simili bdiet tintuża f’dawn l-aħħar ġimgħat f’madwar nofs il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fosthom il-Finlandja li qed tara madwar terz tal-popolazzjoni li qed tagħmel użu minnha.
Chris Fearne saħaq li din l-app mhix se tissostitwixxi l-proċess ta’ contact tracing manwali u ma tfissirx li jekk għandek l-app ħa tkun notifikat b’kull min hu pożittiv, għax huwa biss jekk il-persuna pożittiva jkollha l-app ukoll li tkun tista’ tiġi notifikat.
Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo qal li l-app hija mod ta’ kif it-teknoloġija tintuża b’mod utli f’pandemija globali. Qal li s-sejħa ta’ “Malta diġitali” mhix biss slogan imma identità ġdida li qed tingħata s-soċjetà Maltija biex tinbena soċjetà dinamika li tieħu lill-pajjiż ’il quddiem u ħadd ma jiqba’ lura.
Għalkemm l-installazzjoni ta’ din l-app hija volontarja, l-appell hu biex kulħadd iniżżilha u jużaha biex jiżdied iċ-ċans li dawk pożittivi għall-virus jinqabdu kmieni u tiġi mħarsa s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.