F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz tal-Inkwiżitur il-Birgu, tnediet l-app ‘Explore Malta’ li ssaħħaħ il-proċess manwali biex persuni jiksbu għarfien fuq siti storiċi u kulturali madwar il-Kottonera.
Min b’mod volontarju jniżżel l-app, li ġiet żviluppata permezz ta’ investiment ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro, b’ħidma bejn il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u l-Fondazzjoni Kottonera, se jiġi notifikat meta jkun qrib xi sit storiku.
L-app hija disponibbli kemm bil-Malti u bl-Ingliż, għal sistema Android u IOS.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni tal-Kottonera Glenn Bedingfield saħaq li l-Kottonera għandha storja prestiġjuża u imżewqa b’affarijiet storiċi li sawru l-istorja ta’ pajjiżna.
Huwa spjega li dan il-proġett pilota huwa pass ieħor ’il quddiem biex il-kultura ta’ pajjiżna tkun waħda diġitali u sostenibbli.
Qal li “qed nagħtu aċċess lil dawk kollha li jiġu l-Kottonera, u anke dawk li jgħixu l-Kottonera biex permezz ta’ din l-app ikollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-ħafna assi kulturali li għad għandna. Jekk inżidu l-għarfien tagħna tal-Kottonera, u l-investiment tagħna fil-Kottonera, inkunu qed ngħinu biex ikollna Kottonera aħjar għal-lum u għal għada.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali José Herrera radd ħajr lil dawk kollha li taw sehemhom biex ingħatat il-ħajja lill-viżjoni tal-amministrazzjoni preżenti biex l-istorja tal-wirt tal-Kottonera tkun aċċessibbli minn kulħadd, 24 siegħa kuljum.
Tenna li “huwa importanti għax tagħti aktar aċċess, liż-żgħażagħ u lin-nies tagħna, għall-wirt kulturali tagħna. L-idea hi li din it-tip ta’ app tintuża għal Malta u Għawdex kollha.”