Il-Fondazzjoni Sagħtar nediet applikazzjoni diġitali tar-rivista popolari Sagħtar.
L-inizjattiva saret b’investiment ta’ għoxrin elf ewro mill-Voluntary Organisations Project Scheme, il-VOPS.
Ir-rivista, li ħafna Maltin fi tfulithom kienu jistennewha kull xahar, taf il-bidu tagħha fl-elf disa’ mija wieħed u sebgħin.
Kien il-Moviment Qawmien Letterarju li ta l-ħajja lil din ir-rivista bil-għan li tinxtered aktar il-kitba bil-Malti.
Għal wieħed u ħamsin sena sħaħ din ir-rivista baqgħet iddur fi jdejn l-istudenti.
Madwar ħames snin wara li ħarġet l-ewwel edizzjoni ta’ Sagħtar, l-unjin tal-għalliema, l-MUT, ħadet din ir-rivista fi jdejha.
Illum, wara kważi tliet mija u sebgħin ħarġa, din ir-rivista se tkompli tiġġedded u tagħmel qabża oħra, did-darba fid-dinja diġitali.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Sagħtar, Elaine Germani, spjegat li din l-app hija kontinwazzjoni naturali tal-proġetti mwettqa mill-Fondazzjoni sabiex ir-rivista Sagħtar tasal għand it-tfal tal-lum.
Hija spjegat li permezz tal-app wieħed se jkun jista’ wkoll jisma’ stejjer bil-Malti waqt li jkun qiegħed jaqrahom, flimkien ma’ numru ta’ karatteristiċi ġodda.
Germani qalet, “Tista’ tniżżlu mill-App Store u Google Play; se tkun b’xejn. Kulma wieħed irid jagħmel huwa li jirreġistra, jekk mhux diġà huma rreġistrati fuq il-websajt tagħna. Fiha ssib sezzjonijiet u features differenti, fosthom qari ta’ rivista, filmati, silta qari… hemm ħanut fejn tista’ tabbona u, iktar ’ilquddiem, se jkollna sezzjonijiet ġodda bħal pinġi u logħob.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni, l-Għaqdiet Volontarji, u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, qalet li skema bħalma hija l-VOPS tinċentiva u tgħin lill-għaqdiet volontarji biex ikomplu jkunu sostenibbli u jkomplu jiġġeddu.
Il-Ministru Portelli stqarret, “Il-Gvern jieħu gost li jappoġġja dan il-proġett, li issa se jagħmel il-qabża ‘l quddiem. Il-libsa diġitali differenti li se tkompli żżomm kumpanija lil eluf ta’ studenti żgħażagħ Maltin u Għawdxin.”