Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali żvela d-dettalji tal-iskemi dwar wirt kulturali li jinkludu tliet sejħiet speċifiċi maħsuba biex jappoġġjaw il-kultura tradizzjonali.
Dan grazzi għal investiment ta’ seba’ miljun ewro fis-setturi kreattivi u kulturali għall-elfejn u tnejn u għoxrin mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Matul din is-sena, il-fondi allokati għall-Wirt Kulturali iqarrbu n-nofs miljun euro.
It-tliet sejħiet jirrigwardjaw l-Istandards tas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Fabbriki tal-Logħob tan-Nar, il-Finanzjament Artistiku għall-Għaqdiet tal-Armar tal-Festi, Għaqdiet Kulturali u Għaqdiet Soċjali u l-Għajnuna għall-Każini tal-Banda Lokali.
Dawn it-tliet sejħiet huma marbuta mal-impenn tal-Gvern lejn l-appoġġ tal-kultura tradizzjonali fid-diversi forom tagħha.
L-ewwel sejħa li tiffoka fuq l-Istandards tas-Saħħa u s-Sikurezza fil-Fabbriki tal-Logħob tan-Nar issa hija miftuħa.
It-tieni sejħa, li tiffoka fuq Finanzjament Artistiku għall-Għaqdiet tal-Armar tal-Festi, Għaqdiet Kulturali u Għaqdiet Soċjali, se tiftaħ fil-wieħed u għoxrin ta’ Ġunju, filwaqt li t-tielet skema, se tiftaħ matul ir-raba’ kwart ta’ din is-sena.
Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal kull skema tiftaħ online għal madwar sitt ġimgħat.
Il-Ministru José Herrera enfasizza l-ħtieġa li nkomplu nappoġġjaw u nħarsu t-tradizzjonijiet lokali, mhux biss bħala mezz ta’ preservazzjoni tal-istorja iżda wkoll bħala ekosistema li għadha tevolvi u trawwem it-talent fil-livelli lokali u nazzjonali.
Hu rrimarka, “Hija skema mmirata lejn il-volontarjat li jaħdem fis-settur kulturali. Din l-iskema, li hi ta’ madwar nofs miljun ewro, tolqot l-armar, jiġifieri dawk l-entitajiet fl-irħula tagħna li jieħdu ħsieb l-armar u l-affarijiet li għadhom relatati mal-festa, il-baned proprji li dawk li ma ninsew qatt, il-każini tal-baned u l-piroteknika.”
Id-Direttriċi tal-Fondi u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti Mary-Ann Cauchi saħqet li l-prinċipju li qed jiggwida dawn is-sejħiet huwa li kulħadd ikollu opportunità ugwali li jgawdi l-arti u l-kultura.