Ġiet imnedija kampanja ġdida marbuta mal-fostering bl-isem ta’ ‘Give Hope, Choose Fostering’. Permezz ta’ din il-kampanja, aktar nies qed jiġu mħeġġa jiftħu qalbhom għal tfal li, għal xi raġuni jew oħra, ma jistgħux ikomplu jgħixu mal-familja bijoloġika tagħhom.
Waqt it-tnedija tal-kampanja, intqal kif id-dmir tad-Direttorat għall-Kura Alternattiva huwa li qatt ma jinsa ċ-ċirkostanzi ta’ dawn it-tfal li, bħat-tfal kollha, għandhom bżonn is-sigurtà.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, Alfred Grixti, tkellem dwar kif il-Maltin u Għawdxin huma magħrufin għas-sens ta’ mħabba u ta’ familja, u għalhekk huwa fiduċjuż li aktar persuni se jagħżlu li jsiru foster parents.
Saret ukoll referenza għal-liġi li għaddiet fl-2020, li qed issarraf għal permanenza għat-tfal f’ċirkostanzi diffiċli.
Fil-fatt, id-Direttur tad-Direttorat għall-Kura Alternattiva, Remenda Grech, spjegat li din il-liġi bidlet il-ħajja ta’ numru ta’ tfal b’modi differenti. Stqarret kif permezz tal-ħidma u investiment fid-Direttorat, sebgħa u erbgħin tifel u tifla setgħu jingħaqdu lura mal-familja bijoloġika tagħhom.
Apparti minn hekk, qalet li aktar minn mija u erbgħin tifel u tifla issa qed igawdu minn permanenza, u ma jistgħux jittieħdu minn mal-familja li qed jgħixu magħha.
Ma’ ONE News, hija appellat sabiex, permezz ta’ din il-kampanja, wieħed jagħżel li jbiddel il-ħajja ta’ xi ċkejken jew ċkejkna għall-aħjar.
“Grazzi għall-impenn u l-kuraġġ ta’ dawk in-nies li qegħdin jarawna u li lesti jingħaqdu mal-komunit sabiħa tal-foster carers, li se jkunu qed jagħtu t-tama lil dawn it-tfal, u għalhekk inħeġġiġhom biex iċemplu fuq 1778, fejn hemm se nkunu qed nagħtu ħafna iktar informazzjoni u flimkien nibdew dan il-vjaġġ sabiħ biex nagħtu l-aqwa opportunitá lil dawn it-tfal tagħna.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, appella għall-altruiżmu minn kull min jixtieq isir foster parent, filwaqt li fakkar kif il-Maltin huma magħrufin għas-solidarjetà li juru.
Innota li wieħed ma jistax jiġġudika lil dawn it-tfal jew il-ġenituri tagħhom għaċ-ċirkostanzi li jinsabu fihom, filwaqt li stqarr li kull min huwa foster parent dejjem jgħid li jirċievi ħafna aktar milli jagħti permezz tal-foster caring.
“Ta’ min jgħid li għandna l-ewwel nibdew billi nirringrazzjaw lil dawk li jagħmlu foster caring. Foster caring hija attività fejn wieħed mhux biss jiftaħ il-bieb imma anke jiftaħ qalbu għat-tfal. Ninkoraġġixxi li jkun hemm aktar li jagħmlu foster caring. Ninkoraġġixxi wkoll li nimxu pass ’il quddiem u, jekk Alla jrid, ikollna iktar adozzjonijiet lokali.”