Żewġt irġiel ġew immultati ħmistax-il elf ewro kull wieħed wara li nstabu ħatja li sparaw logħob tan-nar illeglament f’għalqa fix-Xewkija, Għawdex.
B’kollox kienu sebgħa l-persuni li tressqu fil-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ – Edgar Ellul, Edmond Camilleri, Stephen Borg, Elton Cauchi, Anthony Caruana, Charles Caruana u Trevor Vella.
Huma kienu mixlija li fil-21 ta’ Ġunju tal-2018, fil-ħdax ta’ filgħaxija ħarqu stoppini ta’ dijametru akbar minn ċentimetru u li b’nuqqas ta’ ħsieb weġġgħu raġel b’mod gravi.
Il-Qorti nnotat li minkejja li Ellul kellu liċenzja tal-logħob tan-nar, ma ġiex ippruvat li kien hu li pprovda l-logħob tan-nar għaliex dak il-ħin hu ma kienx fuq il-post.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li l-provi wrew li kienu biss Borg u Camilleri li kienu qed jaħarqu n-nar.
Fir-rigward tal-akkuża li weġġgħu gravi lil raġel, hija qalet li miċ-ċertifikat li ħarġu t-tobba rriżulta li l-vittma ġarrab biss ġrieħi ħfief.
Il-Maġistrat ikkundannat l-fatt li minkejja li kellha ċ-ċertifikat tat-tabib f’idejha, il-pulizija kienet bbażat ruħha biss fuq it-talba tal-vittma.
Kien għalhekk li waqt li lliberat lil Ellul, Cauchi, Vella u lill-akkużati Caruana minn kull ħtija, il-Qorti sabet lil Borg u Camilleri ħatja tal-ewwel akkuża u mmultathom €15,000 kull wieħed.