Erba’ rġiel ġew immultati €1,629,278 bejniethom wara li l-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, f’sentenzi separati sabithom ħatja ta’ evażjoni tat-taxxa.
Frankie Apap, ta’ 40 sena, kellu ammont kbir ta’ tabakk mhux dikjarat li nstab f’maħżen ta’ Apap Tobacco Limited. Il-Qorti kkundannatu għal xahar ħabs sopiżi għal sentejn, flimkien ma’ multa.
George Vella, ta’ 49 sena, kellu ammont kbir ta’ tabakk fil-vettura tiegħu u aktar tabakk, sigaretti, u xorb f’garaxx fil-Qawra, kollha mingħajr dazji jew taxxi mħallsa. Huwa weħel tmien xhur ħabs sospiżi għal tliet snin, flimkien ma’ multa.
Roy Joseph Cremona, ta’ 35 sena, instab ħati li kellu ammont kbir ta’ sigaretti mingħajr dazju. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet ordnata terġa’ tisma’ l-każ, iżda Cremona reġa’ nstab ħati u weħel sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn, flimkien ma’ multa.
Victor Fenech, ta’ 42 sena, instab ħati li importa merkanzija ta’ General Cargo bla ma’ ħallas dazju u VAT. Huwa weħel ukoll multa, flimkien ma’ xahar ħabs sospiż għal sentejn.