Mara ta’ 51 sena u residenti n-Naxxar weħlet multa ta’ ħamest elef ewro talli fetħet posta li kienet indirizzata lil binha u kienet tinkludi informazzjoni relatata ma’ saħħtu.
Fil-Qorti, pulizija xehdet kif it-tifel fetaħ rapport kontra ommu jispjega li hu ma joqgħodx fl-istess residenza m’ommu, iżda din l-posta waslet hemm. Hu qal li m’għandux kellux relazzjoni tajba ma’ ommu, tant li hemm numru ta’ proċeduri oħrajn għaddejjin fil-Qorti.
Fix-xiehda tiegħu, l-iben qal kif ommu kienet ċemplitlu u qaltlu d-dettalji tal-ittra. Kien hawn li staqsijha kif taf b’dan u hi wieġbet li kienet fetħitlu l-posta.
Wara li semgħet il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace nnotat li, ġaladarba, kien hemm dan id-diżgwid, kien id-dmir tal-vittma li jassigura li l-posta tasallu fl-indirizz it-tajjeb. Minkejja dan, ikkundannat lill-omm biex tħallas il-multa.