Ciro Napolitano, li jikri ħanut fi Pjazza Kastilja fil-Belt Valletta, kien immultat 1,200 ewro mill-Qorti wara li nstab ħati li kien qed jopera l-istess ħanut bla liċenzja.
Il-każ kien beda f’Settembru tal-2017, meta l-Pulizija rċivew numru ta’ rapporti u għalhekk marru jinvestigaw. Ir-rapporti kienu dwar siġġijiet u mwejjed barra bla permess.
Il-Qorti qalet li Dar l-Emigrant, li hija proprjeta tal-Knisja f’Malta, kellha liċenzja ta’ klabb. Din l-istess liċenzja ma kinitx tapplika għal Napolitano.
Intqal ukoll li hemm applikazzjoni pendenti sabiex din il-liċenzja tinqaleb f’ismu, filwaqt li kien hemm applikazzjoni pendenti oħra għall-imwejjed barra.
Fid-dawl li l-liċenzja għadha ma daritx fuq l-imputat, huwa kien qed jopera bla permess, u għaldaqstant instab ħati tal-akkużi.