Simon Cutajar weħel multa ta’ €50 wara li fil-Qorti ammetta li kiteb kumment fuq il-midja soċjali lill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, li bih Il-Ministru ħassu mhedded.
Dan il-kumment fuq Facebook, li għamel referenza għal karozza bomba, tħalla waqt il-kampanja elettorali tas-sena l-oħra, meta l-Ministru Schembri indirizza konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista.
Il-Ministru Schembri għamel rapport lill-Pulizija għax ħassu mhedded kemm personalment kif ukoll fir-rigward ta’ qrabatu.
Fil-Qorti ntqal li l-akkużat għamel apoloġija b’mod privat lill-Ministru Schembri. Intqal ukoll li l-akkużat ma kellu l-ebda intenzjoni li jagħmel il-ħsara.
Fis-seduta, immexxija mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, l-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u reġa’ talab skuża.
Permezz ta’ kollegament virtwali minħabba li jinsab imsiefer, il-Ministru Schembri qal li l-kumment sar fil-kuntest tal-elezzjoni ġenerali tas-sena l-oħra. Qal ukoll li kulħadd għandu d-dritt li jagħmel xogħlu mingħajr ma jħossu mhedded.
Il-Maġistrat ħa inkunsiderazzjoni l-ammissjoni bikrija tal-akkużat u weħel multa ta’ €50, li se tibqa’ tirrifletti fuq il-kondotta tiegħu.
Għall-parte civile dehru l-avukati Maurice Meli u Stefano Filetti.