Raġel ta’ 40 sena li jgħix ix-Xemxija ġie mmultat elfejn ewro wara li nstab ħati li daħal fil-profil ta’ Facebook tal-ex mara tiegħu, biddel il-password u heddidha li jikxfilha l-konverżazzjonijiet li kellha.
Il-mara għamlet rapport lill-Pulizija u ressqitu l-Qorti fejn ġie akkużat li ostakola d-dħul u uża l-kodiċi ta’ dħul sabiex ikollu aċċess għas-sistema tal-informatika.
Il-mara xehdet li xahrejn qabel il-każ, li seħħ f’Awwissu 2019, ir-raġel telaq mid-dar tagħhom u mar jgħix f’appartament fix-Xemxija ta’ ħuha.
Hija silfitu mowbajl antik biex ikun jista’ jikkomunika mat-tfal minħabba li kellu jsiefer u l-mobile tiegħu kien bil-ħsara.
Il-mara nnutat li kien hemm messaġġi fuq Facebook li bdew jidhru li nqraw meta hija ma kienitx qrathom u meta ppruvat tidħol fl-email ma setgħetx u b’hekk indunat li xi ħadd kien biddel il-password.
Hija xehdet ukoll li żewġha beda jheddidha li jekk ma tibdilx il-ftehim tas-separazzjoni u tagħtih €20,000 oħra kien se jikxef il-konverżazzjonijiet privati tagħha.
Il-Maġistrat Rachel Montebello rrimarkat li mill-provi rriżulta li r-raġel bidel il-password tal-Facebook tal-mara mingħajr il-permess tagħha.
Meta ġiet biex tagħti l-piena hija qalet li ħadet konsiderazzjoni li r-raġel wettaq dan ir-reat biex jipprova jikseb vantaġġ fis-separazzjoni minn ma’ martu