Fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Aġenzija Sapport f’Ħal Far għaddej xogħol ta’ mmodernizzar, li mistenni jdum għaddej għal madwar erba’ snin.
Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ seba’ mitt elf ewro.
Permezz ta’ dan il-proġett se jibbenefikaw wieħed u tmenin persuna b’diżabilità li jattendu dan iċ-ċentru.
S’issa diġà sar xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ fuq barra kollu taċ-ċentru kif ukoll fuq l-aperturi u l-kmamar tal-banju, u sar installar ta’ unitajiet ġodda tal-arja kundizzjonata, fost oħrajn.
Qed jinħoloq spazju dedikat għal apparat ġdid u modern tal-eżerċizzju fiżiku, li se jkun aċċessibbli għal persuni li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, enfasizza l-ħidma tal-Aġenzija mhux biss fl-iżvilupp ta’ servizzi u programmi għal persuni b’diżabilità, iżda wkoll l-impenn tagħha sabiex tiżviluppa ambjent modern u aċċessibbli minn fejn toffri servizzi differenti.
Qal, “Qed issir immodernizzar biex naraw li s-servizz li jkun qed jingħata lill-persuni li jattendu ta’ kuljum hawnhekk ikun servizz ta’ kwalità, fejn il-persuna tkun tista’ toħroġ hemm barra, qed titgħallem ukoll independent living skills – xi ħaġa li t-tranġar fil-post, l-immodernizzar fil-post, ikun qed jikkumplimenta wkoll ix-xogħol li qed issir mis-Sapport Workers ġewwa ċ-ċentri tagħna.”
Il-Ministru responsabbli mill-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli, qalet li dan il-proġett huwa xhieda oħra ħajja u b’konformità mad-determinazzjoni tal-Gvern, li ma jieqaf qatt fil-ħidma b’risq il-persuni b’dizabilità.
Qalet, “Qed naraw li din il-binja f’Ħal Far qed tkun aġġornata u l-investiment se jara l-infrastruttura ta’ dan il-post tkun waħda aħjar u aċċessibbli u aktar imtejba għall-klijenti li qegħdin hawnhekk.”