Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li se jieħu post Michael Piccinino se jitħabbar b’mod imminenti u se jkun Charles Bonello, l-eks segretarju personali ta’ Lawrence Gonzi.
Fl-aħħar ġimgħat il-klikka ta’ Gonzi li għad għandha ħakma kbira fil-Partit Nazzjonalista baqgħet timbotta l-isem ta’ Bonello, missier id-Deputat Bernice Bonello.
Charles Bonello ma kienx l-isem naturali.
Issemmew nies bħal Liam Sciberras li anki ntużat it-Times biex jingħad li hu Pappabbli għal din il-kariga wara li kif kienet qalet il-gazzetta KullĦadd, Michael Piccinino kien se jitqaċċat.
Iżda fuq Sciberras, il-klikka ta’ Gonzi bdiet tgħid li dan mhux ta’ stoffa u lil Bernard Grech ordnatlu li jkollu lil Bonello miegħu għax hu deskritt bħala “sigur”.
Jidher ukoll li se tintuża l-midja tat-Times biex timbotta isem Charles Bonello li anki sorsi qalulna li se jirriżenja mill-Kunsill Lokali tal-Fgura biex f’Marzu jsir Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Jingħad li l-fazzjoni estremista mmexxija mill-Kap defacto Karol Aquilina, bl-appoġġ tan-nies li kienu l-ewlenin f’GonziPN iridu llum qabel għada jtajru lil Michael Piccinino minn hemm.
Bħalissa Piccinino qed jintuża wkoll bħala l-ħaruf tas-sagrifiċċju fil-kwistjoni tal-bolol mhux imħallsa tal-ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista.
Mal-Lovin Malta, il-Partit Nazzjonalista ammetta li kellu l-problemi biex iħallas dak dovut biex il-ħaddiema tiegħu stess ikollhom il-pensjoni.
Anki Bernard Grech ma ċaħadx u ma kienx kategoriku dwar il-fatt li qed iħallu l-ħaddiema tal-partit tiegħu lampa stampa, tant li anki l-Maltatoday innutat dan.
Mhux ċar x’ħa jkun qed jagħmel Charles Bonello li fi żmien GonziPN kien beda dan it-tgerfix kollu u baqa’ għaddej żmien Simon Busuttil.
Mhux magħruf ukoll jekk issa li ONE News u qabel il-gazzetta KullĦadd żvelat l-isem ta’ Charles Bonello, narawx it-tħabbira imminenti tiġi posposta bi ftit ħalli jingħad li ttieħdet xi falza stikka iżda l-verità hi magħrufa kullimkien, li Bonello se jispiċċa l-mibgħut ta’ Gonzi fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.