Aktar tard din il-ġimgħa mistenni jiġi approvat l-ewwel programm operattiv ta’ fondi ewropej.
Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, waqt il-programm Pjazza fuq ONE.
Sentejn ilu l-Prim Ministru Robert Abela nnegozja l-ikbar pakkett ta’ fondi Ewropej li qatt ħadet Malta, dak ta’ żewġ biljuni u mitejn u ħamsin miljun ewro (€2.25 biljun).
Chris Bonett qal li matul din l-aħħar sena l-gvern kien għaddej b’taħditiet mal-Kummissjoni Ewropea dwar kif pajjiżna se juża dawn il-fondi.
Għaldaqstant, wara li fix-xhur li ġejjin il-Kummissjoni Ewropea mistennija tapprova l-programmi ta’ fondi Ewropej wieħed wara l-ieħor, pajjizna jkun jista’ jibda juża’ dawn il-fondi li permezz tagħhom jistgħu jkomplu jitwettqu proġetti u investimenti f’diversi oqsma fosthom tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tal-infrastruttura u tal-ambjent.
L-allokazzjoni ta’ żewġ biljuni u mitejn u ħamsin miljun ewro (€2.25 biljun) f’fondi Ewropej li ġab għal pajjiżna l-Prim Ministru Robert Abela huwa d-doppju tal-ammont li kellna disponibbli mill-programm ta’ fondi għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020, li kien innegozja l-gvern Nazzjonalista.