Fl-ewwel 24 siegħa mit-talba ta’ Malta lill-Kummissjoni Ewropea u membri stati għar-rilokazzjoni ta’ immigranti, ma kien hemm l-ebda konferma li xi pajjiżi aċċettaw u d-diskussjonijiet għadhom għaddejin.
Malta qed tagħmilha ċara fuq l-urġenza fid-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea minħabba l-fatt li dawn l-immigranti bħalissa qegħdin fuq vapur, tlettax-il mil nawtiku ‘l barra minn Malta u qed tisħaq li dawn għandhom jiġu rilokati mill-iktar fis.
F’messaġġ li tefa’ l-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo li saħaq kif Malta ma tieħux sehem fi gwerrer u ma tesporatx armi u mhux ġust li pajjiżna jitgħabba bil-problemi li dawn iġibu, b’referenza għal kunflitt fil-Libja. “Malta ma tefgħetx bombi fil-Libja, jerfa’ l-immigranti min tefa’”, saħaq l-Ministru Bartolo.
Intant l-aġenzija għar-refuġjati fi ħdan il-Ġnus Magħquda appellat biex fost l-istati membri jkun hemm mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ta’ immigranti li jiġu salvati.Il-Ġnus Magħquda appoġġjat it-talba tal-Gvern Malti li mal-Unjoni Ewropea qed jisħaq fuq turija ta’ solidarjetà bil-fatti u li l-immigranti salvati jkunu rilokati fost il-pajjiżi kollha Ewropej.
Il-Ġnus Magħquda qalet kif “Dawk il-ftit pajjiżi li jsalvaw immigranti għandu jkollhom fuq min iserħu jiġifieri fuq solidarjetà ta’ min jorbot fuqha permezz ta’ mekkaniżmu li jirriloka l-immigranti fi stati membri oħra”.
L-istess aġenzija tal-Ġnus Magħquda talbet għal aktar solidarjetà murija bejn l-istati membri u li dawn juru aktar responsabilità bejniethom permezz ta’ rilokazzjoni ta’ immigranti.
Il-Ġimgħa, l-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-ispiża għal-aħħar salvataġġ fejn l-immigranti qed jinżammu fuq il-vapur tal-Captain Morgan se tkun qed titħallas mill-Unjoni Ewropea u mhux minn fondi nazzjonali.