L-Istati Uniti qed tagħmel progress sostanzjali biex tgħaqqad madwar elfejn u ħames mitt tifel u tifla immigranti li ġew separati minn mal-ġenituri tagħhom fil-fruntiera ta’ bejn l-Istati Uniti u l-Messiku bħala mezz sabiex il-pajjiż iwaqqaf l-immigrazzjoni illegali.
Ħabbar dan l-Imħallef Dana Sabrew, li spjega kif il-progress li qed isir huwa wieħed kbir.
Rapporti f’midja internazzjonali qalu li l-Gvern Amerikan fadallu sitt ijiem sabiex dawn ir-riunifikazzjonijiet iseħħu, ordni li ħarġet mill-Imħallef Sabraw stess.
Dan wara li Sabrew talab lill-avukati tal-Gvern sabiex jidhru quddiem il-Qorti f’San Diego u jaġġornawh bix-xogħol li sar biex dawn il-familji jerġgħu jingħaqdu.
Wara s-smigħ qasir, l-Imħallef sostna li jinsab impressjonat bix-xogħol li qed isir.
Fil-Qorti, l-avukati għad-Dipartiment tal-Immigrazzjoni irrapurtaw li sal-Ħamis tard filgħaxija, 364 tifel u tifla ta’ ħames snin jew aktar ġew riunifikati mal-familja tagħhom. Sal-lum dan in-numru tela’ għal 450.
Tfal ta’ etajiet anqas minn ħames snin ġew riunifikati il-ġimgħa l-oħra.