Tlett immigranti irregolari, tliet stejjer rrakkonati lill-President tar-Repubblika. Dan meta l-President Marie Louise Coleiro Preca laqgħet lill-Professur Colin Calleja, li deher f’isem il-grupp Solidarity with Migrants, kif ukoll xi immigranti li ssieħbu mal-grupp.
Hawnhekk intqal kif ħafna mill-immigranti f’pajjiżna għandhom sal-aħħar ta’ Ottubru li ġej biex jakkwistaw passaport minn pajjiżhom qabel ma jipproċedu b’dokumentazzjoni ma’ Identity Malta biex ikunu jistgħu jibqgħu jingħataw il-protezzjoni.
Dan minħabba li pajjiżna se jaddotta regolamenti ġodda dwar l-istat ta’ Temporary Humanitarian Protection New (THPn), li jingħata lil dawk li ma setgħux jakkwistaw l-ażil, biex ikun konformi ma’ pajjiżi Ewropej oħra.
Ali Konate, mill-Mali, kien wieħed mit-tliet persuni li kellmu b’mod personali lill-President. Qalilna kif ilu jgħix u jaħdem hawn Malta mill-2002, u dejjem mexa skont ir-regolamenti u b’rispett lejn l-awtoritajiet. Staqsejnih kif ħassu meta għall-ewwel darba kellu ċ-ċans jitkellem mal-President ta’ Malta, u verament juri hu min hu u minn xiex għadda.
“Meeting with someone who understands human situations and finds out what is right and what can be done – anybody would be happy to meet that person”
Staqsejnih għalfejn għalih, Malta mhux biss hija daru issa, iżda anke santwarju sigur fejn ħajtu mhix mhedda kuljum.
“Where would I go? There is nothing for us in Mali and Malta is my home, I have been in Malta for a longer time than I have been in Mali cause I left there when I was very young.”
Waqt l-intervent tagħha l-President qalet li din hija problema globali li hija frott nuqqas ta’ rispett lejn id-dinjita u d-drittijiet bażiċi tal-bniedem. Iddispjaċuta bl-esperjenzi tat-tlett immigranti li tkellmu, wegħdet li se tibqa’ turi l-appoġġ tagħha lill-immigranti kollha.