L-Erbgħa filgħodu grupp ta’ immigranti ġew rilokati minn Malta lejn Franza wara ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi.
L-immigranti ħallew Malta permezz ta’ titjira diretta lejn Pariġi bil-għan li jkomplu bil-proċess tal-ażil fi Franza.
It-trasferiment tal-immigranti seta’ jsir wara li saru l-preparamenti meħtieġa mill-Ministeru għall-Intern, l-Ambaxxata Franċiża f’Malta u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni. Dawn il-preparamenti kienu jinkludu wkoll eżamijiet mediċi sabiex jassiguraw li ħadd mill-immigranti mhu pożittiv għall-COVID-19.
Ir-rilokazzjoni hija wieħed mill-pilastri tal-istrateġija tal-Gvern fuq l-immigrazzjoni irregolari, flimkien mal-prevenzjoni tal-wasliet u r-ritorn ta’ dawk il-persuni li ma jkunux eliġibbli għal protezzjoni f’pajjiżna.
Intant fi Tweet il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-ftehim ma’ Franza se jwassal biex jitnaqqas il-piż tal-immigrazzjoni fuq pajjiżna.
Dr. Abela tenna wkoll li l-awtoritajiet Maltin se jibqgħu jaħdmu biex mijiet ta’ immigranti oħra jkunu trasferiti lejn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Group of migrants relocated to #France as part of an ad hoc arrangement to share responsibility of irregular #migration. This is 🇪🇺 #solidarity in action. -RA @FranceinMalta @byroncamilleri @MaltaGov @EmmanuelMacron pic.twitter.com/0icQTETJtN
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) September 23, 2020