Immigrant ta’ sittax-il sena li pprova jaħrab mill-Barracks ta’ Ħal Safi – u li fl-attentat tiegħu biex jagħmel dan, gidem uffiċjal – baqa’ jinżamm arrestat wara li ammetta l-akkużi kontrih.
Il-każ seħħ l-Erbgħa waranofsinhar għall-ħabta tal-erbgħa, meta ż-żagħżugħ tela’ ma’ ilqugħ tal-ħadid biex jipprova jaħrab.
Allegatament sar aggressiv fil-ħin li l-uffiċjali tad-detenzjoni ppruvaw iwaqqfuh milli jaħrab.
L-immigrant kien akkużat li pprova jaħrab mill-kustodja, irreżista l-arrest bi vjolenza, darab ħafif uffiċjal tad-detenzjoni, hedded u insulta nies li kienu qed jagħmlu xogħolhom, u kisser nuċċali ta’ wieħed mill-uffiċjali.
Iż-żagħżugħ – li ma jifhimx la bil-Malti u lanqas bl-Ingliż – ammetta l-akkużi wara li kkonsulta mal-avukat tiegħu permezz t’għajnuna ta’ interpretu.
L-avukat difensur irrimarka li ż-żagħżugħ għadda minn ħafna u għandu bżonn l-għajnuna, u billi pprova jaħrab ma wettaq l-ebda att terroristiku.
Fil-Qorti ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.