Frederic Ofosu, raġel mill-Ghana ta’ 32 sena, neħħa ħajtu b’idejh u qed ikun irrapportat li ħalla messaġġ li dan seħħ wara li kien fost grupp ta’ immigranti li setgħu jintbagħtu lura pajjiżhom.
Ahmed Bugri, Direttur tal-Fondazzjoni għall-Kenn u l-Appoġġ lill-Immigranti, qal f’kummenti ma’ one news li kien ikkuntatjat minn sħab Ofosu li rrakkontawlu dak li ġara fi tmiem il-ġimgħa. Rapporti qed jatribwixxu s-suwiċidju għal fatt li kien se jkun deportat, anke għax jidher li ħalla messaġġ lil sħabu li kien qed iħossu kriminal meta m’għamel xejn ħażin.
Peró, l-istess Ofosu kien iddikjara fil-Qorti s-sena li għaddiet li kien iddisprat biex jmur lura pajjiżu. Saħansitra bil-frustrazzjoni li kellu kisser l-appartament tiegħu u dakinhar intbagħat għall-kura l-isptar Mount Carmel. Dakinhar ukoll l-uffiċjal prosekutur qal fil-Qorti li Ofosu kien qed jinsisti magħhom li jrid imur lura pajjiżu, iżda għalkemm l-awtoritajiet kienu qed jipprovaw jirranġawlu ma kienux kisbu d-dokumenti meħtieġa minn naħa tal-Ghana.
L-avukat tiegħu kienet qalet li “hu jbati minn ansjetà kbira. “Għaliex maqbud fuq gżira għal raġunijiet burokratiċi,” kienet qalet l-avukat tiegħu Josette Sultana.