Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia ma laqgħetx talba biex immigrant infettat bit-tuberkolożi jinħareġ miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi.
L-immigrant mill-Kosta tal-Avorju, li wasal Malta illegalment f’Novembru li għadda, bħalissa qed jingħata erbatax il-pillola kuljum għall-marda tat-tuberkolożi.
Ir-raġel kien qed jingħata din il-kura taħt is-superviżjoni tat-tobba biex ma jibqax ta’ periklu għalih innifsu u għal dawk ta’ madwaru.
Il-Qorti semgħet lil rappreżentanta tas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika li spjegat li dan l-immigrant kellu l-moviment tiegħu ristrett għax hemm il-possibilità li jxerred l-infezzjoni lil persuni oħra.
L-avukati tal-immigrant argumentaw li r-raġel ma kienx ġie infurmat għaliex baqa’ miżmum fiċ-ċentru ta’ detenzjoni, u għaldaqstant kien qed jinżamm hemmhekk illegalment.
Il-Qorti ddeċidiet li r-raġel għandu jibqa’ jinżamm f’ċentru ta’ detenzjoni biex ma jkunx ta’ riskju għal persuni oħra u jkun assigurat li jibqa’ jirċievi t-trattament meħtieġ.