F’attività organizzata mir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea u dik tal-Ġermanja bit-tema ‘Intersex Equality in Europe: How Can the EU Advance Intersex Rights’, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Persuni Intersex ippreżentat legal toolkit f’ġest li mmarka l-Jum Dinji għall-Għarfien dwar Persuni Intersex.
Ir-riċerka turi li, fuq livell globali, wieħed minn kull sittin persuna għandhom varjazzjoni sesswali li kemm medikament u anke soċjalment ma titqiesx bħala maskili jew femminili. Dan ifisser li madwar mija u disgħa u għoxrin miljun persuna fid-dinja jitwieldu intersex. Dawn il-persuni jkunu diskriminati kemm fuq il-postijiet tax-xogħol u anke b’mod ġenerali, u huma meqjusa bħala l-aktar vulnerabbli fost il-komunità LGBTIQ.
Għalhekk l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Persuni Intersex nediet dan il-legal toolkit biex tgħin lil dawk li jfasslu l-politika fl-Unjoni Ewropea ħalli persuni intersex ikunu protetti fil-qafas legali tagħhom, kemm dak ezistenti kif ukoll f’liġijiet futuri.
F’din l-attività, li saret f’Dar Malta fi Brussel, kellha sehem ukoll Katrin Hugendubel, Direttur tal-ILGA Europe. Hija faħħret lil Malta għall-mod progressiv kif qed tmexxi d-drittijiet umani ta’ persuni intersex ’il quddiem, tant li qed isservi ta’ xprun biex pajjiżi oħra jsegwu l-passi tagħha, dan bl-introduzzjoni ta’ liġijiet importanti bħal dik tal-identità tal-ġeneru li permezz tagħha persuni intersex huma protetti minn kwalunkwe diskriminazzjoni.
Din l-attività tkompli ssaħħaħ il-ħidma u l-impenn tal-gvern Malti f’dan il-qasam f’fora Ewropej.
Ritratti: MEAE