Din hija sitwazzjoni minn fost ħafna li qed jiġu diskussi bħalissa hawn Malta. Ir-realtà hi li madwar l-Ewropa, mal-mitejn elf persuna tmut kull sena għax tirrispondi ħażin għall-mediċini.
Dan kien żvelat waqt il-bidu ta’ summit tal-Unjoni Ewropea f’Malta li qed jitratta l-mediċini u l-użu sigur tagħhom, partikolarment fost it-tfal.
Preżenti hawn membri mill-Pharmacovigilance Risk Assessment Committee (PRAC) u l-kumitat tal-pedjatrija (PDCO).
Il-Ministru għall-Affarijiet tal-Konsumatur, Helena Dalli tkellmet dwar l-importanza tal-ġbir tal-informazzjoni u l-analiżi tagħha. Din it-tip ta’ informazzjoni tkun utli fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar meta mediċini għandhom jintużaw.
Tkellmet ukoll dwar mard rari, li ħafna minnu jkunu ġenetiku fl-oriġini tiegħu u li b’mod sproporzjonat jaffettwa lit-tfal.
Dan il-mard ħafna drabi jkun kroniku, progressiv u ta’ theddida għall-ħajja u għalhekk hemm bżonn l-impenn fl-avvanzi ta’ terapiji effettivi għall-pazjenti żgħar.