Ħafna minna qatt ma kellna xi dubju dwar il-ġurnata li fiha twieled Ġesù Bambin, għax hekk konna mgħallma skont it-tradizzjonijiet Insara tagħna. Imbagħad meta kbirna sirna nafu li din hija biss it-tifkira tat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Rigward d-data eżatta ta’ meta seħħ dan it-twelid l-istudjużi tal-ġrajja tal-Milied għadhom mhumiex ċerti.
Skont drawwa popolari aħna ngħidu li t-twelid ta’ Ġesù sar fil-25 ta’ Diċembru. It-Testment il-Ġdid ma jagħti l-ebda data jew sena għat-twelid ta’ Ġesù. L-ewwel Evanġelju li nkiteb madwar is-sena 65 WK, dak ta’ San Mark, jibda bil-magħmudija ta’ Ġesù bħala adult. Dan jindika li l-ewwel Insara jew ma kellhomx tagħrif dwar it-twelid ta’ Ġesù, jew inkella ma kellhomx interess dwar id-data tat-twelid tiegħu.
Id-data tat-twelid ta’ Kristu ġiet stabbilita minn Dionysius Exiguus li kien patri f’monasteru f’Ruma. Fl-era Rumana, is-snin kienu jiġu kkalkulati anno urbis conditae (A.U.C.) jiġifieri mit-twaqqif tal-Belt ta’ Ruma. Din baqgħet is-sistema numerika li kienet tintuża mill-kittieba tal-istorja Rumana biex ikejlu n-numru ta’ snin. Hekk A.U.C. kienet tfisser is-sena li fiha l-belt ta’ Ruma ġiet imwaqqfa. Dijonisju jgħidilna li l-ewwel Imperatur Ruman Awgustu rrenja għal 40 sena (27 qabel Kristu – 14 wara Kristu) u li warajh irrenja Tiberju (14 wara Kristu – 37 wara Kristu).
Il-Vanġelu ta’ San Luqa 3:1,23 jindika li meta Ġesù kellu 30 sena, kienet il-ħmistax-il sena tal-ħakma ta’ Tiberju. U għalhekk Dijonisju poġġa d-data tat-twelid ta’ Ġesù fis-sena (Rumana) 754 A.U.C. Madanakollu, l-istess Vanġelu ta’ San Luqa 1:5 ipoġġi t-twelid ta’ Kristu fi żmien Erodi, li miet fis-sena 750 A.U.C .– erba’ snin qabel is-sena li fiha Dijonisju jpoġġi d-data tat-twelid ta’ Ġesù. Għalhekk, il-bidu tal-kalendarju Kristjan hu bbażat fuq kalkolu ħażin li għamel Dijonisju.
Għal dik li hija data (apparti s-sena) De Pascha Computus, dokument anonimu li huwa maħsub li nkiteb fl-Afrika ta’ Fuq madwar is-sena 243 wara Kristu, ipoġġi d-data tat-twelid ta’ Kristu fit-28 ta’ Marzu. Klement, Isqof ta’ Alessandrija kien jaħseb li Ġesù twieled fit-18 ta’ Novembru. Il-Professur Emeritu tal-Istudji Bibliċi tal-Università Kattolika tal-Amerka, Joseph A. Fitzmyer li jibbaża ruħu fuq dokumenti storiċi jgħidu, li Kristu twieled fil-11 ta’ Settembru tliet snin “qabel Kristu” skont il-kalendarju ta’ Dijonisju.
Fil-verità l-Milied hu r-reazzjoni Nisranija għall-festa pagana Rumana ta’ Saturnalia. Biex jikkonvinċu lil ħafna pagani jikkonvertu għall-Kristjaneżmu, fir-raba’ seklu wara Kristu l-mexxejja tal-Insara ddikjaraw li Kristu twieled fil-25 ta’ Diċembru li kienet id-data tal-aħħar ġurnata tas-Saturnalia u b’hekk webbluhom li jekk jikkonvertu u jsiru Nsara, xorta waħda setgħu jkomplu jiċċelebraw is-Saturnalia. Għalhekk l-għeruq tal-Milied bħala festa m’għandhom xejn Nisrani fihom.