Baba Foster, raġel ta’ 37 sena mill-Ghana li m’ għandux residenza fissa f’ pajjiżna, ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għall-tlett snin wara li wettaq diversi reati relatati ma’ scams u frodi.
Foster deher quddiem il-Qorti akkużat li kellhu fil-pussess tiegħu u taħt il-kontroll tiegħu diversi oġġetti relatati ma’ l-użu u t-twettieq ta’ frodi.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Mark Mercieca spjegat fil-Qorti kif nhar l-20 ta’ April daħal rapport fl-Għassa tal-Pulizija li f’lukanda ewlenija fil-Gżira kien hemm movimenti strambi u llegallitajiet. L-ispettur spjega li b’reazzjoni għal dan, intalab mandat ta’ tfittxija mill-Maġistrat tal-Għassa u nkiseb aċċess għall-kamra tal-lukanda.
Hawn hu spjega li Baba nstab flimkien ma’ persuna oħra u nstabu ħwejjeġ u affarijiet oħra relatati ma’ black money. Fil-kamra nstabu wkoll safe tal-metall u alkoħol li huma kollha relatati ma’ dawn it-tip ta’ reati.
Id-difiża għamlet referenza għall-fatt li l-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih f’ stadju preliminari u saħqet li dan għandu jgħin il-Qorti tikkunsidra li tgħati sentenza minima.
Min-naħa tagħha, il-prosekuzzjoni saħqet mal-Qorti li reati bħal dawn huma ta’ deterrent għal ħafna persuni u jistgħu jwasslu li l-vittmi jitilfu ħafna flus. Wara li rat iċ-ċirkustanzi kollha madwar il-każ u madwar l-akkużat, il-Qorti kkundannat lil Baba Foster għal sentejn ħabs sospiżi għal tlett snin.