Il-President tal-Korea t’Isfel Yoon Suk Yeol ġie mneħħi mill-kariga hekk kif il-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat l-impeachment tal-Parlament wara li kien invoka l-liġi marzjali s-sena l-oħra li tefgħet lill-pajjiż fl-agħar kriżi politika f’għexieren ta’ snin.
Id-deċiżjoni kienet waħda unanima hekk kif il-qorti xejnet l-argument ta’ Yoon li l-azzjoni tiegħu kienet biss intiża bħala twissija.
Il-Prim Ministru Han Duck-soo se jkun qed iservi bħala aġent President sakemm issir l-elezzjoni li skont il-kostituzzjoni trid isseħħ fi żmien 60 ġurnata.
Yoon qed jiffaċċja wkoll akkużi kriminali talli instiga vjolenza kontra l-gvern bid-dikjarazzjoni tal-liġi marzjali fejn il-piena massima hija waħda li ġġorr sentenza ta’ mewt jew għomor il-ħabs. Il-każ mistenni jibda jinstema’ fl-14 t’April.
Kif sar magħruf il-verdett, eluf ta’ dimostranti, inkluż mijiet li qattgħu l-lejl barra l-qorti jistennew is-sentenza, infaqgħu f’ċapċip u għajjat ta’ ferħ b’dikjarazzjonijiet ta’ “Irbaħna”.