“Imissek tistħi Adrian Delia.”
Huwa b’dan il-kliem b’ittri kbar li Godfrey Leone Ganado, esponent tal-Blue Heroes u l-forza tal-establishment li tikkontrolla lill-Kap Nazzjonalista, għadda messaġġ fuq il-Facebook biex ma jkomplix iħalli l-fazzjoni ta’ Adrian Delia tiskorja punti fil-Partit Nazzjonalista.
Wara s-sentenza fil-Qorti, Ganado kiteb li, għal darba, l-eks Kap Nazzjonalista kellu jkollu d-diċenza li jagħti kredtu lil Daphne Caruana Galizia, hu u jfakkar li Delia kien qalilha biċċa blogger.
L-esponenti tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, magħrufa wkoll bħala l-old guard, li jikkontrollaw lill-Kap Bernard Grech, reġgħu qamu.
Fil-fatt anki l-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt, Manuel Delia, kiteb li Adrian Delia jaħseb u jittama biss li b’dak li għamel jista’ jiġi rijabilitat fil-Partit Nazzjonalista.
Quddiem il-fatt li l-fazzjoni ta’ Adrian Delia reġgħet bdiet tgħolli rasha u taqbad ftit momentum fil-Partit Nazzjonalista, il-forza tal-establishment ma tridx imqar tagħtiha ċans titla’ ’l fuq minn wiċċ l-ilma u għalhekk qed tkompli tiġġieled għal postha f’partit fejn il-firda baqgħet ir-regola tal-ġurnata.