B’investiment ta’ tlieta u għoxrin miljun ewro, il-Ħamis filgħaxija l-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura l-proġett tal-flyovers tal-Kappara.
F’ċerimonja sempliċi iżda sinjifikanti li fissret li dan il-proġett sar bil-ħidma sfieqa lejl u nhar tal-ħaddiema f’inqas minn sentejn, il-Prim Ministru spjega li din l-amministrazzjoni wriet li proġetti ta’ dan il-livell jistgħu jinbdew u jitlestew fil-ħin u skont il-budgets stabbiliti.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru fakkar fil-wegħda ewlenija ta’ dan il-Gvern li jirranġa t-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex f’seba’ snin biex l-infrastruttura ta’ pajjiżna tkun denja għal pajjiż modern li għaddej minn tkabbir ekonomiku bla preċedent.
Il-Prim Ministru qal: ”Dak hu li rridu nagħmlu fuq Malta kollha permezz tal-ikbar proġett li għandu dan il-Gvern. Dak li nagħmlu t-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex fuq perjodu ta’ seba’ snin. Għax nemmnu li l-livell ta’ toroq tal-pajjiż għandhom jirriflettu l-livell li qed jilħaq pajjiżna.”
Mill-arterja prinċipali li prattikament tgħaqqad in-naħa t’isfel man-naħa ta’ fuq jgħaddu minn tal-inqas disgħin elf vettura kuljum.
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru tkellem dwar il-livelli stabbiliti permezz ta’ dan il-proġett, biex proġetti futuri oħra fosthom tal-Marsa jinbdew u jitlestew fil-ħin.
Hawnhekk semma wkoll l-ħsieb tal-aġenzija li mistennija titwaqqaf biex timplimenta l-pjan ambizzjuż iżda fattibli tal-Gvern biex jirranġa t-toroq tal-pajjiż.