Il-Kummissarju Ewropew għax-Xogħol u l-Ġustizzja Soċjali, Nicolas Schmit, irrikonoxxa li l-mudell soċjali u ekonomiku Malti, u saħansitra sostna illi dan għandu jservi ta’ mudell għal pajjiżi Ewropej oħra, speċjalment f’dan iż-żmien ta’ sfidi internazzjonali marbuta mal-inflazzjoni, it-tranżizzjoni fis-suq tax-xogħol u r-riskju ta’ faqar u l-esklużjoni soċjali.
Huwa saħaq dan waqt laqgħa illi kellu mal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.
Il-Kummisarju Ewropew Schmit faħħar l-inizzjativi li qed imexxi ‘l quddiem il-Gvern Malti.
‘‘Malta għandha sservi ta’ mudell għal pajjiżi Ewropej oħra, bil-mod li bih qed jinċentivaw kull faxxa tas-soċjeta’, illi jmantni suq tax-xogħol b’saħħtu u li joħloq opportunitajiet aħjar. Irridu nindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ diskrepanza u inġustizzji soċjali, illi fil-preżent joħolqu żbilanċ bejn iż-zgħir u l-kbir. Fl-aħħar mill-aħħar soċjeta’ b’saħħitha hija dik li tara l-valur u tapprezza s-sehem ta’ kulħadd speċjalment fejn jidħlu il-ħiliet u professjonijiet.’’
Il-Kummisarju Ewropew Nicolas Schmit
Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-Gvern qed jagħmel dak kollu possibbli sabiex jsaħħaħ postijiet tax-xogħol li jeħtieġu aktar kuntatt fiżiku u emozzjonali, speċjalment fil-qasam tal-kura soċjali. Hawnhekk il-Minsitru Michael Falzon qal li kull gradwat fil-qasam soċjali qed jiġi ingaġġat mill-bidu li jkun spiċċa l-kors, b’salarji mtejjba u opportunitajiet aktar b’saħħithom.
‘‘Minkejja dan l-isforz, xorta waħda qed inkunu kostretti nimpjegaw studenti b’degree Umanitarju, sabiex jassistu dawn il-professjonisti fix-xogħol tagħhom. Dan l-impenn tagħna għandu l-għan illi jsaħħaħ dawk l-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli u nuqqas t’azzjoni fil-ħin, iġorr magħha konsegwenzi agħar fit-tul u aktar problemi interġenerazzjonali.’’
Il-Ministru Michael Falzon