Fil-Jum Dinji għall-Bijodiversità ġew imħawla mija u ħamsin siġra u arbuxell indiġeni biswit il-Grawnd Nazzjonali f’Ta’ Qali.
Din l-inizjattiva saret bħala parti mill-kampanja #ClimateOn, li tnediet ftit tal-ġimgħat ilu mill-Ministeru għall-Ambjent b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol.
Il-Ministru Aaron Farrugia spjega kif it-tema ta’ din il-kampanja hija ‘Turn on the Power for Change’ li qed tissarraf f’sejħa għal kull ċittadin biex jieħu azzjoni neċessarja fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jitnaqqsu l-emissjonijiet.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport Clifton Grima faħħar din l-inizjattiva, fejn l-isport qed jingħaqad mal-ambjent biex jinkiseb riżultat ukoll fl-aspett soċjali.