- IS-SETTUR TAL-MANIFATTURA JŻID L-IMPJEGATI BIL-MIJIET
- KIENET SARET IMĦATRA LI S-SETTUR KIEN SE JISPIĊĊA
Bejn is-sena 2014 u s-sena 2016 kienu mijiet il-ħaddiema li żdiedu fil-qasam tal-manifattura. Settur li fi żmien amministrazzjoni preċedenti kien intqal li xi darba kellu jispiċċa. Tant li tibqa’ magħrufa u ċara f’moħħ ħafna d-dikjarazzjoni tal-eks Ministru Austin Gatt li meta mijiet ta’ impjegati kienu qed jitkeċċew mix-xogħol kien qal li lest jagħmel imħatra li fi ftit snin dan is-settur kien se jispiċċa darba għal dejjem. Saħansitra quddiem il-kumitat għall-affarijiet soċjali kien qal fl-2005 li “manufacturing industry has to go.”
Iżda amministrazzjoni ġdida tat imbuttatura enormi lil dan is-settur b’għajnuniet qawwija mill-Malta Enterprise li saħansitra għad irridu nibdew naraw il-frott tagħhom u mhux inkluż fiċ-ċifri li qed nippubblikaw.
Filwaqt li bejn l-2014 u Awwissu 2016 żdiedu b’537 il-ħaddiema fis-settur tal-manifattura, imkejjen viċin l-industrija spjegaw li ma’ dawn wieħed irid iżid dawk li se jaħdmu fil-fabbrika ta’ Crane Currency, dawk li se timpjega d-De La Rue fil-faċilità l-ġdida u dawk li se jidħlu fl-estensjoni tal-fabbrika Playmobil. Tliet proġetti kbar, għalkemm mhux l-uniċi. Dettalji li ta l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona wrew kif l-ammont ta’ investiment li sar matul is-sena 2014 min-negozji fis-settur tal-manifattura kien ta’ €72 miljun. Din il-figura hija bbażata fuq investiment li ġie verifikat minn tax returns li rċeviet il-Malta Enterprise u minn rendikont ta’ investiment li diġà twettaq u li fuqhom il-Malta Enterprise tat għajnuna. Dan l-ammont jeskludi investiment ieħor magħmul min-negozji li ma talbu l-ebda għajnuna lill-Malta Enterprise u għalhekk jista’ jkun ferm iktar minn hekk. L-ammont ta’ investiment għas-sena 2015 jiġi stabbilit matul din is-sena, wara li l- Malta Enterprise tirċievi rendikont ta’ investiment li jkun ġie ddikjarat min-negozji rispettivi fit-tax return tas-sena 2016. Bl-istess mod, l-investiment li sar fis-sena 2016 jiġi stabbilit matul is-sena 2018. Għalkemm l-indikazzjonijiet ċari huma li ċ-ċifri se jkunu ferm ikbar minn tal-2014 anke għax l-għajnuniet mill-Malta Enterprise għas-settur kienu ikbar milli fl-2014.
Dan għax issa qed jieħdu l-ħajja l-proġetti li bdew ikunu diskussi fil-bidu tal-amministrazzjoni.
Fil-fatt l-għajnuniet żdiedu minn €2.6 miljun fl-2014, għal €6.2miljun fl-2015, għal €12.7 miljun fl-2016. Dan għax b’ekonomija b’saħħitha l-Gvern seta’ jinċentiva iktar l-investiment tant li minkejja li żied dawn it-tip ta’ għajnuniet is-sena li għaddiet irreġistra surplus fil-baġit tiegħu.
Illum l-impjiegi fil-manifattura jlaħħqu l-20,917