Il-Qorti ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu azzjoni kriminali kontra l-awtur Mark Camilleri wara li, it-Tlieta, ippubblika mijiet ta’ messaġġi tal-WhatsApp privati mibgħuta u rċevuti mid-deputata Rosianne Cutajar. Dan, skont il-Qorti, sar bi ksur ta’ projbizzjoni li kienet ħarġet il-Qorti.
L-Erbgħa, l-avukati ta’ Rosianne Cutajar argumentaw quddiem il-Qorti li l-pubblikazzjoni tal-messaġġi tikser is-segretezza li imponiet il-Qorti kif ukoll il-jedd tagħha għall-ħajja privata.
F’deċiżjoni li tat l-Erbgħa waranofsinhar, l-Imħallef Edwina Grima ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga lil Camilleri u jgħarraf lill-Qorti jekk dak li ppubblika kienx protett bil-projbizzjoni li kienet ordnat il-Qorti fl-2021. Talbet lill-Kummissarju biex jinforma lill-Qorti wkoll jekk għandhiex tittieħed xi azzjoni kriminali kontrih minħabba l-ksur ta’ tali projbizzjoni b’disprezz lejn il-Qorti.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija rrapporta lill-Imħallef li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija kkonfermaw li l-pubblikazzjoni tal-messaġġi minn Camilleri tikser il-projbizzjoni li għamlet il-Qorti fl-2021.
Kien f’dan il-kuntest li l-Imħallef ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizijabiex jieġu azzjoni kriminali quddiem il-Qorti tal-Maġistrati minħabba disprezz lejn il-Qorti.