Il-Qorti Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri ċaħdet l-appell tal-Avukat tal-Għaqda Repubblika Jason Azzopardi biex tinfetaħ inkjesta kontra l-Ministru Silvio Schembri.
Dan wara li fil-bidu ta’ dan ix-xahar il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici ċaħad l-istess talba ta’ Jason Azzopardi.
Din hija talba tressqet f’lejliet l-ewwel tas-sena li għadda kontra l-Minsitru Schembri u martu, li qed tistenna tarbija.
Id-digriet tal-Imħallef jinnota n-nuqqas ta’ provi li ppreżenta Azzopardi, fejn saħanistra jgħid bl-iswed fuq l-abjad li fl-ebda mument dak imressaq mid-denunzjant, jiġifieri minn Jason Azzopardi nnifsu, ma jispjegaw jew jiddikjaraw li l-Ministru Schembri wettaq xi reat.
L-Imħallef Camilleri jkompli jgħid li dawn ir-rapporti li semma Azzopardi “imkien ma jindikaw li l-Ministru Schembri kien involut fir-reati indikati mid-denunzjant (Jason Azzopardi), bħal fost l-oħrajn ħasil ta’ flus jew li (il-Ministru Schmebri) aċċetta rifal jew kien ħati ta’ trading in influence.
Għalhekk l-Imħallef qal li se jżomm id-deċiżjoni li ngħatat mill-ewwel Qorti u ċaħdet l-appell ta’ Jason Azzopardi.