Imħallef ta’ New York, iddeċieda li l-kundanna ta’ tixħim ta’ flus mgħotija lil Donald Trump hija valida. Huwa ċaħad l-argumenti tal-President Elett li din għandha taqa’ in vista tad-deċiżjoni importanti mill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti dwar l-immunità.
F’Lulju, l-ogħla qorti fil-pajjiż iddeċidiet li l-Presidenti tal-Istati Uniti għandhom immunità wiesgħa mill-prosekuzzjoni kriminali għal-azzjonijiet uffiċjali li jittieħdu waqt li jkunu fil-kariga. Iżda t-Tnejn, l-Imħallef ta’ Manhattan Juan Merchan, li kien ippresieda fil-ġuri ta’ Trump fir-rebbiegħa, żamm mal-prosekuturi u iddikjara li l-kundanna fuq 34-il reat kienu jiffukaw fuq “kondotta mhux uffiċjali”.
Din id-deċiżjoni tippreserva s-sentenza storika ta’ Trump u li jekk tinżamm tagħmel lil Trump l-ewwel kriminal li serva fil-White House.
Fid-deċiżjoni tiegħu ta’ 41 paġna, l-Imħallef Merchan, xejjen l-argument ta’ Trump li l-każ imressaq mill-gvern kien jiddependi minn evidenza relatata ma’ xogħol uffiċjali tiegħu bħala President u għalhekk kien kopert mill-immunità. L-Imħallef sostna li l-evidenza ppreżentata waqt il-ġuri kienet purament waħda ta’ kondotta mhux uffiċjali fejn anke innota li fis-sentenza tagħha l-Qorti Suprema kienet iddikjarat li mhux kulma jagħmel il-President huwa uffiċjali anke jekk dan joħroġ mill-uffiċċju tiegħu fil-White House.
Il-kelliem ta’ Trump, Steven Cheung ikkritika din id-deċiżjoni fejn sejħilha vjolazzjoni diretta tad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema dwar l-immunità fejn dan il-każ missu qatt ma kien tressaq u li l-Kostituzzjoni tgħid illi għandu jiġi rtirat immedjatament.
F’Mejju, ġuri fi New York kien sab lil Trump ħati li ffalsifika r-rekords ta’ negozju fejn Trump kien ipprova jaħbi tixħim ta’ flus li għadda lil eks avukat tiegħu Michael Cohen li fl-2016 kien ħallas lil attriċi pornografika sabiex ma titkellem xejn dwar allegat inkontru sesswali li kellha ma’ Trump.
Trump innega kwalunkwe ħtija.
Filwaqt li t-tim ta’ Trump se jkun żgur qed jappella minn dan il-ġudizzju biex jittardja aktar il-proċess, l-Imħallef għad irid jiddeċiedi jekk hux se jagħti s-sentenza tiegħu qabel ma Trump jieħu l-ġurament tal-ħatra f’Jannar, wara li jispiċċa t-terminu tiegħu fl-2029 jew qatt.