Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li ħatar kumitat tekniku biex jagħmel rakkomandazzjonijiet b’mod urġenti dwar ir-regolamentazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, Dr Abela qal li l-kumitat se jkun magħmul minn erba’ esperti li huma l-imħallef emeritu Lawrence Quintano, Dr Adrian Mifsud lettur fl-Università ta’ Malta u speċjalizzat fl-inġinerija strutturali u fil-ġeoteknika, mill-perit Mario Cassar u l-Avukat Mark Simiana.
Spjega li mingħajr l-ebda tkaxkir tas-saqajn dawn se jagħmlu analiżi totali tal-metodi ta’ żvilupp kollha fosthom is-sigurta tal-persuni li jgħixu fil-madwar is-siti ta’ kostruzzjoni.
Il-Prim Ministru fisser: “Jieħdu stock tas-sitwazzjoni b’mod ġenerali, inkluż tar-regolamenti li għandna viġenti, jagħmlu reviżjoni tal-qafas regolatorju sħiħ, u jagħtu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom b’mod dirett lill-Prim Ministru b’mod urġenti, b’mod malajr, għax ma nistgħux nistennew sabiex ikollna qafas regolatorju li jassigura li dak li ġara ma jerġax jiġri.”
Dr Abela qal li bħalissa għandna regoli tajbin u b’saħħithom madankollu kellna inċident li wassal għat-telf ta’ ħajja ta’ persuna. Bl-aktar mod skjett qal li din hija xi ħaġa li ma jridx li terġa’ tiġri.
Qal li qafas regolatorju preżenti huwa suffiċjenti, iżda sostna li l-Gvern se jimplimenta dak rakkomanda.
Fuq kollox irid li jkun hemm bidla fil-mentalità. Il-Prim Ministru sostna: “Però fuq kollox li jwassal għal bidla fil-mentalità. Li ħadd ma jippretendi illi huwa ‘l fuq minn ħaddieħor jew li għandu drittijiet superjuri għar-residenti tal-madwar li ma jkollhom l-ebda interess fi żvilupp imma jixtiequ li jgħixu fil-kwiet u fil-paċi ta’ darhom. Ħadd m’għandu d-dritt superjuri għax huwa żviluppatur li jħalli lin-nies ma jgħixux fil-kwiet ta’ darhom.”
Dr Abela qal mhux se jkun hemm moratorju fis-settur imma se jitlob lill-awtoritajiet iżidu l-ispezzjonijiet. Huwa tenna: “Illi x-xogħlijiet kollha isiru skont il-permessi maħruġin u fuq kollox isiru skont l-arti u s-sengħa.”
Il-Prim Ministru qal li l-kostruzzjoni tista’ ssir madwar siti abitati sakemm l-affariijiet isiru bil-galbu, bit-tekniċi fuq il-post u periti li ma jkunux imsieħba fil-proġett.
Huwa għamel referenza wkoll għall-inċident li ħalla omm mejta fil-Ħamrun li nzerta jaf il-familja tagħha. Il-Prim Ministru stqarr: “Fuq kollox, min wassal għal dan l-inċident irid jaffaċċja l-ġustizzja. Hu min hu. Jekk m’jien qed nagħmel xejn u nassigurakom li se nagħmel ħafna, li huwa żgur li l-ġustizzja ssir u min naqas irid iħallas għall-prezz ta’ għemilu.”
Dr Abela qal li l-istituzzjonijiet qegħdin jaħdmu. Qal li l-investigazzjonjiet fl-inkjesta Maġisterjali qed jieħdu kors intensiv. L-istess fir-rigward tal-investigazzjonijiet tal-Pulizija li wasslu għall-arrest ta’ persuni li qed jgħinu b’mod attiv lill-Pulizija.