L-Imħallef Lawrence Mintoff ta sentenza li hi meqjusa bħala waħda importanti għall-bdiewa u s-settur tal-biedja fuq kwistjoni ta’ qbiela.
Fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, l-Imħallef ma laqax it-talba ta’ sid ta’ għalqa biex tieħu lura l-art mikrija lil bidwija part-time.
Ir-raba’ saqwi inkwistjoni fih mal-elfejn u disa’ mitt metru kwadru u ġie f’idejn Vinċenza Magro bil-wirt, mal-għoxrin sena ilu.
Ir-raba jinsab mikri għand Annalisa u Liberata Schembri bil-qbiela ta’ erbgħa u għoxrin ewro kull sentejn.
Fl-għoti tas-sentenza tiegħu, l-Imħallef argumenta li l-prijorità ewlenija hi li tkompli għaddejja l-attività agrikola, anki għax il-bidwija inkwistjoni baqgħet tieħu ħsieb l-art.
L-Imħallef qalet li sid l-art tista’ tieħu lura l-art jekk turi li hi jew qrabatha lesti jaħdmu l-art agrikola.
Il-Qorti nnutat ukoll li sid l-art ma marritx quddiem il-Bord tal-Kera għall-bidla fil-kundizzjonijiet tal-ħlas tal-qbiela u għalhekk sid l-art ma tistax tgħid li m’għandhiex rimedju effettiv.
Dwar dan anki l-bidwija ma kkontestatx il-fatt li erbgħa u għoxrin ewro ħlas kull sentejn għall-qbiela huwa baxx.
Hawnhekk l-Imħallef fakkar li sid l-art tista’ tmur quddiem il-Bord tal-Kera biex tieħu kumpens xieraq tal-art mikrija.
L-Imħallef innota li meta wieħed iqis anki l-ispejjeż t’attività agrikola, wieħed ma jistax jippretendi bidwi jħallas mija u tletin elf ewro għax-xiri t’art agrikola jew iħallas mal-elfejn ewro kera fis-sena.
Quddiem dan kollu, il-Qorti ċaħdet it-talbiet kollha ta’ sid l-art u ddikjarat li ma nkisru l-ebda drittijiet fundamentali ta’ Magro.