- Żewġ proġetti proposti mill-Ministeru għal Għawdex ġew kwalifikati u approvati minn Fondi Ewropej għal aktar titjib fil-faċilitajiet sportivi.
Il-Ministru Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari Ian Borg indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fejn ħabbru żewġ proġetti, f’Ulysses Grove fil-limiti tax-Xewkija.
Il-proġetti jinkludu trakka tal-mixi, tal-ġiri, u taċ-ċikliżmu f’Ulysses Grove, kif ukoll multi-sports outdoor facilities fil–Gozo Sports Complex fir-Rabat, Għawdex.
Il-Ministru Anton Refalo tkellem dwar l-importanza tal-isports u tal-attività fiżika għal kwalità ta’ ħajja aħjar, u qal li dawn il-proġetti huma stmati li jiswew madwar €397,020 li minnhom €200,000 ġejjin minn Fondi Ewropej. Il-Ministru semma wkoll il-proġett tal-bini ta’ pixxina f’Għawdex – wegħda oħra ta’ dan il-gvern li qed titwettaq. Din il-faċilità mhux biss se tintuża mill-isportivi iżda se tinkludi wkoll pixxina terapewtika għal skopijiet ta’ riabilitazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg ħabbar li aktar minn 2,000 persuna mistennija jgawdu miż-żewġ proġetti b’valur totali ta’ €400,000. Dawn il-proġetti fiż-żoni ta’ Ulysses Grove u tar-Rabat Għawdex jinvolvu infrastruttura ġdida li se tinkludi tagħmir bil-għan li aktar persuni jiġu mħeġġa jsegwu stil ta’ ħajja aħjar permezz ta’ eżerċizzju regolari. Borg spjega li nofs l-ispiża tal-proġetti se tkun kollha ffinanzjata minn Fondi Ewropej.
Apparti hekk, taħt l-istess Assi ta’ Prijorità, fiż-żmien li ġej mistennija ssir sejħa oħra importanti favur interventi simili fil-komunità. Għal din is-sejħa hemm indikata allokazzjoni ta’ madwar €5m u li se tikkumplimenta proprju l-proġetti mħabbra, filwaqt li se tgħin biex titkattar aktar attività fiżika fil-madwar grazzi għal aktar faċilitajiet li se joffru opportunitajiet ġodda fil-kamp sportiv u fl-istess waqt titjib fil-kwalità ta’ ħajja.
Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li dawn il-fondi huma maħsuba li jżidu l-attività fiżika f’żona li fil-preżent mhix daqshekk attrezzata.