Tħabbru tliet skemi għall-bdiewa u r-raħħala b’investiment ta’ aktar minn sitt miljun ewro.
L-għan tagħhom huwa li jnaqqsu l-piżijiet fuq il-bdiewa u r-raħħala, jattiraw aktar żgħażagħ, u jagħmlu lis-settur aktar reżiljenti u kompetittiv.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet li saret f’għelieqi ta’ familja li diġà gawdiet minn dawn il-fondi, li wettqet xogħlijiet biex l-uċuħ tar-raba’ tagħhom ikunu aktar sostenibbli.
Il-bidwi Patrick Gauci, spjega wħud mix-xogħlijiet li għamel fl-għelieqi tiegħu b’dawn il-fondi.
“Bnejna rubble walls, għamilna taħwil ta’ siġar ġodda, għamilna irrigation systems għalihom, bnejna reservoirs biex niġbru l-ilma tax-xita biex inkunu sostenibbli u għamilna wkoll pannelli solari.” 16
Waħda minn dawn l-iskemi se tagħti opportunità lill-bdiewa biex jixtru apparat jew jagħmlu investiment fl-għelieqi tagħhom. Kull bidwi jista’ jieħu sa massimu ta’ mija u ħamsin elf ewro.
It-tieni skema tinċentiva bdiewa żgħażagħ jidħlu fis-settur.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, qal li din l-iskema se tgħin fl-ostakli li jaffaċċjaw iż-żgħażagħ, fosthom l-ispejjeż tax-xiri jew kiri tal-frammentazzjoni tal-art.
“Nafu li din hija diffikultà kbira għaliex illum iż-żgħażagħ għandhom ħafna iktar opportunitajiet b’inqas tbatijiet, u allura rridu npattu għal dit-tbatija żejda billi nagħtu inċentivi b’saħħithom biex kemm jista’ jkun naraw li dan is-settur ikompli jikber ġewwa pajjiżna.” 15
It-tielet skema tħeġġeġ lill-bdiewa jiddiversifikaw fil-prodotti tagħhom u joħolqu opportunitajiet ta’ agrituriżmu, kif spjega l-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo.
“Qed nagħtu għajnuna lill-bidwi li jrid jiddiversifika jew jagħmel negozju li ma jkunx konness strettament mar-razzett tiegħu. Qed nagħtuh l-għajnuna biex jgħolli l-qligħ tiegħu.” 12
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, spjega li dawn l-iskemi qed isiru bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej, u ħeġġeġ lill-bdiewa u lir-raħħala biex japplikaw.
“Il-bdiewa se jkollhom mod iktar faċli u sempliċi dwar kif jagħmlu l-applikazzjoni tagħhom u jkollhom aċċess għall-fondi Ewropej. Għalfejn? Għax aħna rridu li dawn il-fondi jintużaw kollha mill-bdiewa tagħna.” 12
L-applikazzjonijiet għal dawn l-iskemi jiftħu nhar it-Tnejn li ġej, għoxrin ta’ Ġunju, u jagħlqu nhar il-Ġimgħa, tletin ta’ Settembru, f’nofsinhar.
Aktar dettalji jinsabu fuq is-sit www.eufunds.gov.mt.