Sajjieda ser ikunu jistgħu japplikaw għall-Fondi Ewropej sabiex ikollhom forom ġodda ta’ dħul, investiment fl-enerġija effiċjenti, kif ukoll iktar makkinarju modern.Dan ħabbru dalgħodu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Ian Borg, waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Marsaxlokk fejn spjega kif ser jinqasmu dawn il-miżuri li jammontaw għal madwar €2 miljuni taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd mill-Programm finanzjarju 2014-2020.
Borg spjega kif miżura minnhom ser tkun immirata għall-iżvilupp ta’ attivitajiet marbuta mas-sajd u attivitajiet edukattivi dwar is-sajd speċjalment dak li għandu x’jaqsam mal-immodernizzar ta’ ristoranti jew investiment fid-dgħajjes tas-sajjieda biex jattiraw aktar turisti.
Ser ikun hemm miżura oħra mmirata li taħdem favur l-enerġija effiċjanti biex sajjieda jinvestu f’tagħmir bi l-għan li jnaqqsu l-emmissjonijiet li jniġġsu l-arja. Dawn jistgħu jintużaw għal buq tal-vapur, titjib tas-sistmea ta’ propulsjoni tal-bastiment, investiment fl-irkaptu u t-tagħmir li tniġġes fost oħrajn. Miżura oħra ser tkun qed tagħti l-appoġġ għas-sostituzzjoni jew modernizzar ta’ magni prinċipali jew anċillari. Din ser tingħata lil bastimenti b’tul totali ta’ mhux iktar minn 24 metru.
Is-Segretarju Parlamentari Borg spjega kif dawn l-inizzjattivi huma parti mill-programm 2014-2020 ta’ €29 miljun li Malta nnegozjat mal-Kummissjoni Ewropea; €18-il miljun iktar mill-programm preċedenti 2007-2013. B’dawn il-fondi ser jiġu ffinanzjati ukoll xogħlijiet maġġuri fuq il-breakwaters f’Marsaxlokk flimkien ma’ proġetti oħra infrastrutturali.
Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li dan hu eżempju ċar ta’ Gvern kommess li jkompli jdawwar l-ekonomija billi jgħin lin-negozjant f’kull settur, inkluż dak tas-sajd, biex ikomplu jsaħħu u jiddeversifikaw l-mudelli tan-negozji tagħhom.