Tnieda mill-ġdid il-kunċert Rockestra għat-tlettax-il edizzjoni tiegħu.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-Palazz Verdala, l-Erbgħa filgħodu, hekk kif ġie spjegat li għal din is-sena b’differenza minn snin oħrajn, dan se jkun qed isir barra fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Id-Direttur Artistiku Pawlu Borg Bonaċi, fid-diskors tiegħu fil-fatt spjega li l-edizzjoni ta’ din is-sena ser tkun mimlija enerġija għall-pubbliku enerġetiku ta’ Rockestra tant li t-tema li ntgħażlet għal din is-sena hija ‘I Love Rock‘n’Roll.’
Dan b’differenza għall-edizzjoni ta’ Rockestra li ttellgħet waqt il-pandemija b’diversi restrizzjonijiet.
Stqarr, “Is-sena li għaddiet tlifna ħafna, allura din is-sena ħriġna all out. Kemm ħabba żmien li qegħdin fih biex in-nies isserħu rashom, u kemm għax ilna rridu nagħmlu din il-ħaġa. B’hekk din is-sena Rockestra se ssir fuq barra, għall-ewwel darba se tkun fuq l-apert.”
Borg Bonaci spjega wkoll x’se tkun qed tinvolvi l-edizzjoni ta’ Rockestra li se tkun qed tittella’ fl-10 ta’ Settembru
Qal, “Fix-xow stess se nkunu qed inżidu sorpriżi ġodda, għandna wkoll kantanti ġodda, Hemm kantanti li se jirritorna magħna bħal Jotham ta’ Scream Daisy li ma kantax għal xi żmien u se jkun magħna. Għandna lil Ira Losco li se terġa’ tirritorna lura. Għadna kantanti ġodda bħal Drakard li kellu suċċess fil-programmi televiżivi, għandek lil Kevin Paul”.
Id-direttur mużikali ta’ Rockestra, Sigmund Mifsud esprima apprezzament lejn it-tim kbir li jaħdem volontarjament fuq Rockestra biex fl-aħħar mill-aħħar tingħata għajnuna lil bosta persuni li jibbenefikaw minn The Malta Community Chest Fund Foundation.
Filwaqt li irringrazzja lil kull min hu involut, il-President ta’ Malta George Vella fisser dan l-avveniment bħala riflessjoni li filwaqt li l-pubbliku jkun qed jieħu gost, ikun qiegħed jgħin lil min hu fil-bżonn.
Stqarr, “Ha jkun hemm firxa wiesa’ ta’ nies li huma interessati. Barra li ha jiehdu gost, ovjament iridu jiftakru li ha jkunu qeghdin jikkontribwixxu ghal ghan importanti hafna u nobbli. Qed nitkellmu ghall-fondi tal-Community Chest Fund.”
Preżenti wkoll għat-tnedija ta’ Rockestra kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici li appella lill-pubbliku biex jattendi għal dan l-avveniment b’għan nobbli u li jippromwovi talent Malti.
Il-biljetti għal din l-attività jistgħu jinxtraw mis-sit showshappening.com.