Wara s-suċċess tal-ewwel sejħa aktar kmieni din is-sena, tħabbar li ser tkun qiegħda terġa’ tinfetaħ l-iskema NGO Co-Financing Fund (NCF) mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS). Din l-iskema tgħin għaqdiet volontarji fil-kofinanzjament ta’ proġetti ffinanzjati minn Fondi Ewropej, fejn tipprovdi l-persentaġġ ta’ kofinanzjament li l-fondi Ewropej ma jkoprux. Għat-tieni sejħa, l-allokazzjoni ser terġa’ tkun ta’ €150,000 f’fondi addizzjonali, fejn effettivament il-fond għal din is-sena issa ser ikun qiegħed jiġi rduppjat.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia waqt żjara li saret għand il-Fondazzjoni Belt Victoria f’Għawdex, għaqda volontarja li tmexxi ċ-ċentru relatat mal-wirt kulturali Il-Ħaġar – Heart of Gozo bis-sehem ewlieni tal-voluntiera. Din il-Fondazzjoni bbenefikat fis-snin li għaddew mill-NGO Co-Financing Fund.
Il-Ministru Julia Farrugia enfasizzat l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ u jinvesti fis-settur tal-volontarjat. “Dan il-Gvern dejjem emmen fis-saħħa tas-settur volontarju u bil-konkret qed inkomplu nuru l-impenn tagħna biex insostnu l-ħidma tagħhom. L-NGO Co-Financing Fund huwa strument kruċjali li jippermetti lill-għaqdiet volontarji mhux biss jiksbu l-finanzjament meħtieġ, imma wkoll iwettqu proġetti innovattivi li jtejbu l-ħajja tan-nies u jsaħħu l-komunitajiet tagħna. Dawn il-fondi qed jagħtu spinta lil inizjattivi li jvarjaw minn proġetti soċjali u ambjentali sa dawk kulturali u edukattivi, u bħala Gvern se nibqgħu naħdmu biex nassiguraw li l-għaqdiet volontarji jkollhom l-appoġġ li jixirqilhom biex ikomplu jagħmlu d-differenza,” temmet tgħid il-Ministru.
Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS, qal “Inħass il-bżonn li l-fondi tal-NGO Co-Financing Fund jiżdiedu b’tali mod li l-għaqdiet li qed jużaw fondi Ewropej ikunu sostnuti b’mod aktar sħiħ. L-ewwel sejħa għalqet wara ftit jiem u dan jixhed kemm din is-sejħa kien hemm bżonnha.”
Dan il-fond mhuwiex flok Fondi Ewropej iżda jikkumplimentahom, inkluż fondi mill-Unjoni Ewropea, EEA Grants, Norway Grants, Ftehimiet Bilaterali u fondi tal-Kunsill tal-Ewropa. B’din it-tieni sejħa, f’disa’ snin minn meta twaqqfet din l-iskema, issa ser ikunu ġew allokati għaliha madwar miljun u nofs ewro f’kofinanzjament.
L-applikazzjonijiet għal din it-tieni sejħa tal-iskema NCF ta’ din is-sena se jiftħu fis-sit elettroniku vofunding.org.mt mill-Erbgħa 9 ta’ April 2025 f’nofsinhar u se jieħdu l-fondi dawk eliġibbli li japplikaw l-ewwel. L-iskema tagħlaq hekk kif il-fondi kollha jerġgħu jiġu eżawriti. L-għaqdiet li japplikaw għall-fondi jeħtieġ li jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.