Għat-tieni sena konsekuttiva Malta Enterprise se tkun qed ittella’ l-festival għal dawk in-negozji li għadhom ma ffurmawx jew inkella jinsabu fl-istadji inizjali tan-negozju tagħhom.
Startup Festival se jkun qed jittella’ nhar it-tlettax u erbatax ta’ Ottubru ġewwa Villa Bighi, l-Kalkara fejn se jkun qiegħed jospita dan l-avveniment bil-parteċipazzjoni ta’ bosta.
Fost l-oħrajn il-festival se jkun qiegħed ilaqqa’ persuni li għandhom negozju għadu jibda ma kelliema lokali u saħansitra internazzjonali sabiex jaqsmu l-għarfien u ideat bejniethom.
F’konferenza tal-aħbarijiet mtella’ minn Malta Enterprise u l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża ntqal kif il-festival se jkun qiegħed joffri attività dinamika filwaqt li se jkompli jibni fuq dak li sar fl-ewwel edizzjoni s-sena li għaddiet.
Dan qiegħed isir fl-isfond ta’ diversi skemi li l-Malta Enterprise qed tagħti biex tgħin lil negozji jiffurmaw u jifjorixxu madwar pajjiżna. Fost dawn l-għajnuniet hemm l-iskemi Business Start, Startup Finance u Business Development.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia stqarr kif dan kollu qiegħed jgħin sabiex pajjiżna jibqa’ wieħed attraenti li jattira investiment lokali u barrani f’oqsma innovattivi.
Intant, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli sostniet dan il-fatt billi ddeskriviet kif l-għan aħħari tal-politika dwar l-istartups ikun li pajjiżna jsir hub ta’ negozji ġodda li jagħżlu pajjiżna biex ikun il-punt tat-tluq tagħhom.
Dawk interessati huma mħeġġa jiksbu aktar informazzjoni dwar il-festival minn fuq is-sit startinmalta.com.