L-Aġenzija Maltija kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU, nediet l-istrateġija tagħha għall-erba’ snin li ġejjin.
Dan għamlitu waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġiet żvelata din l-istrateġija għall-pubbliku u għas-sħab privati. Din hija l-ewwel darba li l-FIAU nediet strateġija ta’ dan it-tip fl-istorja tagħha.
Id-Direttur tal-FIAU, Kenneth Farrugia, sostna li din l-istrateġija qed titnieda fl-għoxrin anniversarju tal-FIAU.
Huwa spjega li din l-istrateġija hija msejsa fuq sitt pilastri prinċipali u għandha l-għan li tiffoka l-impenn tal-aġenzija fil-ġlieda tagħha kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. B’hekk, jiġu salvagwardjati s-setturi finanzjarji ta’ pajjiżna.
Dawn il-pilastri jinkludu dak tal-miżuri proporzjonali rigward il-ħasil ta’ flus u ffinanzjar tat-terroriżmu, FIAU ffukata fuq ir-riskji, u komunikazzjoni u kordinazzjoni interna effiċjenti, fost oħrajn.
“Hemm ukoll l-intelligence analysis, il-parti analitika. Hemmhekk, pereżempju, illum jekk naraw is-sitwazzjoni tagħna ma’ erba snin ilu, fejn qabel konna nirċievu 600 rapport, illum qed nirċievu 7,000. Mela wieħed hemmhekk irid jevalwa kif irridu naħdmu aktar fuq bażi ta’ riskju biex niffukaw fejn relattivament hemm bżonn, aktar milli nintilfu fuq l-affarijiet iż-żgħar.”
Kenneth Farrugia spjega wkoll li, wara l-bidliet kbar fl-aħħar snin, huwa kruċjali li din l-aġenzija tibqa’ tiġġedded maż-żminijiet.
“Kif tafu, implimentajna ħafna changes fl-aħħar snin, u naħseb nixtiequ li nkomplu dak il-momentum għax, jekk ma tkomplix tbiddel, prattikament tispiċċa tmur lura u mhux ’il quddiem, u aħna nixtiequ li bħala pajjiż dejjem nibqgħu fuq quddiem tal-aġenda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, semma l-passi kbar ’il quddiem li għamlet din l-aġenzija fl-aħħar snin sa minn mindu twaqqfet.
Il-Ministru Caruana rrimarka kif 10 snin ilu l-FIAU kellha biss 13-il ħaddiem u allokazzjoni finanzjarja ta’ €380,000. Illum il-ġurnata, l-FIAU għandha 136 ħaddiem u allokazzjoni finanzjarja ta’ ħdax punt ħamsa miljun ewro. Dan juri l-impenn tal-Gvern favur it-titjib u l-avvanz kontinwu ta’ din l-aġenzija biex ikompli jiġi salvagwardjat is-settur finanzjarju ta’ pajjiżna. B’hekk Malta tibqa’ tiġi meqjusa bħala ġuriżdizzjoni serja f’dan il-qasam.
Il-Ministru Caruana awgura li din l-istrateġija tkun suċċess, u ddeskriviha bħala waħda ċara u li tħares ’il quddiem biex b’hekk turi lill-FIAU bħala aġenzija effettiva biex twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha.