Infetħu skemi ta’ €15-il miljun mill-Pjan għall-Irkupru u Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea, immirati għal proġetti ta’ diġitilizzazzjoni tan-negozji.
Dawn il- €15-il miljun indirizzati lejn it-tranżizzjoni diġitali fl-intrapriżi se jinfirxu fuq żewġ skemi: waħda li tindirizza biss lill-intrapriżi mikro, żgħar, u medji, u skema oħra li se tkun miftuħa għall-intrapriżi kollha skont il-kriterji stabbiliti.
Il-mira tal-Gvern fil-qasam tal-iskemi ta’ għotja għall-investimenti tad-diġitalizzazzjoni tal-intrapriżi hija dik li jassigura li l-intrapriżi żgħar, li huma dawk li l-aktar għandhom bżonn jinvestu fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni, ma jkollhomx għalfejn jikkompetu ma’ progetti akbar u aktar ambizzjużi u jkunu żvantaġġati.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li l-għan ewlieni ta’ dawn il-fondi hu li n-negozji isiru aktar kompetittivi u jintroduċu innovazzjoni fin-negozju tagħhom sabiex isir aktar reżiljenti għall-isfidi tas-suq.
Qal, “Dawn huma skemi, issa, biex imorru għall-qalba diġitali. Dawn huma skemi għal min m’għandux għodda diġitali biex jaħdem, u allura jista’ jużahom minn fondi ta’ ħames miljuni. Proprju għalhekk, u fond ieħor ta għaxar miljuni, li se jkun qiegħed hemm biex min għandu diġà jkun jista jintensifika l-ħidma diġitali tiegħu.”
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, qal li rridu naraw li n-negozji tagħna jkunu aktar effiċjenti u li jkollhom l-għodod teknoloġiċi għad-dinja tal-lum
Qal, “Issa, illum, ħabbarna wkoll miżura ta’ skema sabiex nassistu n-negozji tagħna, niffaċilitawlhom l-investiment tagħhom fejn tidħol id-diġitalizzazzjoni. Huwa importanti ħafna li n-negozji tagħna jitilgħu t-tarġa li jmiss fejn jidħol l-operat tagħhom sabiex naraw li jkunu reżiljenti iktar minn qatt qabel u jkunu lesti għall-affarijiet li qed titlob l-ekonomija llum il-ġurnata.”