Għat-tieni sena konsekuttiva, investituri privati jistgħu jitfgħu l-offerti tagħhom ħalli jiżviluppaw stallazzjonijiet kbar bħal solar farms u wind turbines li kapaċi jiġġeneraw enerġija nadifa għal 6,000 dar.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħodu, hekk kif ġie spjegat li r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, qed jiftaħ sejħa għal sistemi b’kapaċità li jibdew minn erbgħin kilowatt peak sa massimu ta’ megawatt peak wieħed.
Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, l-Inġinier Marjohn Abela, spjega kif l-Avviż tal-Gvern għall-iskema ġdida ta’ din is-sena jipprovdi għal 5 sejħiet għall-għotja fuq l-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ta’ ġenerazzjoni minn 40kW sa inqas minn 200kW, u minn 200kW sa inqas minn 1mW rispettivament.
ONE News tkellem mal-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli hekk kif spjegat il-benefiċċji ta’ skemi ta’ dawn it-tip, li għalihom il-Gvern qed joffri appoġġ finanzjarju ta’ €74 miljun fuq medda ta’ 20 sena.
Il-Ministru Dalli tenniet hekk.
“L-għan tagħna din id-darba huwa li jkollna iktar minn hekk u permezz ta’ dawn l-iskemi li qed inniedu issa li huma l-istallazzjonijiet medji ta’ inqas minn 1MWp, qed naraw li permezz tagħhom inkunu nistgħu wkoll noffru enerġija nadifa lil madwar 6,000 dar u b’dan il-mod inkomplu fil-mixja tagħna biex ikollna aktar enerġija nadifa fil-pajjiż u biex inkomplu nnaqqsu gassijiet bħalma huma s-CO2.”
Dan ifisser 10,000 tunnelata inqas tniġġis ta’ dijossidju tal-karbonju fis-sena.
Madankollu l-Ministru Miriam Dalli ma waqfitx hawn hekk kif tat ukoll rendikont tal-proġetti ġodda li ġew imnedija s-sena li għaddiet grazzi għal skemi simili.
Proġetti li permezz tagħhom pajjiżna se jiffranka mas-7,000 tunnellata addizzjonali tad-dijossidju tal-karbonju fl-arja.
“Is-sena li għaddiet permezz tal-iskemi li ħriġna kellna u rnexxielna nilħqu 36 proġett ġdid. Dawk is-36 proġett se jkunu qegħdin joffru enerġija nadifa lil aktar minn 4,200 dar,” spjegat il-Ministru Dalli.
Il-Ministru Miriam Dalli temmet tosserva kif skemi ta’ dawn it-tip, huma kruċjali biex jiżdiedu s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli f’pajjiżna. B’hekk tisaħħaħ is-sigurtà fil-provvista u d-diversifikazzjoni fil-ġenerazzjoni tal-enerġija filwaqt li noħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda u aktar green jobs.
Dan filwaqt li jgħinu sabiex tintlaħaq il-viżjoni ta’ dan il-Gvern li pajjiżna jkollu ekonomija dekarbonizzata sal-2050.